“Ftehim li jirrispetta l-identità tal-iskejjel tal-Knisja”

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li l-ftehim kollettiv bejn l-Unjoni tal-Għalliema (MUT) u s-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, ikompli jirrispetta l-identità u l-awtonomija tal-iskejjel tal-Knisja.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie ffirmat il-ftehim, Mons. Scicluna spjega li għalkemm l-iskejjel tal-Knisja huma mmexxija minn kongregazzjonijiet reliġjużi differenti, għandhom l-istess etos Kattoliku, li jħares lejn l-istudent bħala persuna umana bid-dinjità tagħha u lejn l-edukazzjoni bħala edukazzjoni fl-imħabba u fil-libertà.

“L-edukazzjoni kontribut kbir għad-demokrazija”

Insista li l-edukazzjoni hija kontribut kbir għad-demokrazija f’kull pajjiż. Sostna li d-demokrazija tinbena fuq id-dinjità tal-persuna, fuq il-libertà tal-għażliet u fuq l-impenn għall-ġid komuni.

Filwaqt li wera l-apprezzament tiegħu u tal-Knisja f’Malta għax-xogħol li jagħmlu l-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja, indipendenti u statali, irrimarka dwar kemm hu essenzjali l-irwol tal-għalliema fil-formazzjoni taċ-ċittadini. Saħaq li dan irwol hemm bżonn li jiġi rrispettat, “għax meta l-istudenti jitgħallmu jirrispettaw lill-għalliema tagħhom, ikunu qed jitgħallmu lezzjoni importanti fil-proċess ta’ soċjalizzazzjoni”. Kompla jispjega li l-istudenti jkunu qed jitgħallmu li s-soċjetà għandha bżonn gwida u li wieħed għandu jirrispettaha.

“L-istudenti mhux numru imma persuni bi bżonnijiet partikolari”

Mons. Scicluna rringrazzja lill-għalliema għas-sagrifiċċju li jagħmlu u għall-interess uman li jieħdu fl-istudenti tagħhom. Semma esperjenzi pożittivi ta’ għalliema li jirrifjutaw li jaraw numru fl-istudenti, imma minflok jaraw fihom persuni li għandhom bżonnijiet partikolari.

Irringrazzja wkoll lill-MUT u lis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, għax-xogħol kbir fin-negozjati għall-ftehim kollettiv. Qal li issa hemm il-bżonn li dan jitħaddem b’sens ta’ rieda tajba. Iħoss li wara kull ftehim hemm id-dinjità u d-drittijiet tal-għalliema, li huma msejħin li jieħdu ħsieb l-aħjar ġid tal-istudenti.