Ftehim kollettiv ġdid għall-periti tal-Awtorità tad-Djar

Il-periti tal-Awtorità tad-Djar għandhom ftehim kollettiv ġdid wara li l-awtorità u l-Union Ħaddiema Magħqudin laħqu ftehim ilbieraħ.
B’riżultat tal-ftehim, il-periti tal-Awtorità tad-Djar għandhom salarju aħjar waqt li tjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fosthom fejn jidħol it-taħriġ professjonali, il-Performance Bonus, allowances għat-trasport u l-komunikazzjoni, u miżuri favur il-familja.
Il-UĦM esprimiet soddisfazzjon għan-negozjati li saru fejn dehret rieda tajba minn kulħadd.
Il-ftehim kollettiv ġie ffirmat mill-Viċi President tal-UĦM Edwin Balzan, miċ-Chairperson tal-Awtorità tad-Djar Antoinette Vassallo u mill-Kap Eżekuttiv Stephen McCarthy.