Ftehim għall-Paċi jintlaħaq waqt li l-Isqfijiet kienu qed jiltaqgħu mal-Papa

Nies fis-Sudan t'Isfel jifirħu bil-Ftehim għall-Paċi
“Iż-żjara ‘Ad Limina’ li għamilna lill-Papa Franġisku għamlet miraklu u wasslet għall-iffirmar tal-Ftehim ta’ Paċi fis-Sudan t’Isfel”. Hekk kiteb Mons. Barani Eduardo Hiibro Kussala, Isqof ta’ Tombura-Yambio, President tal-Konferenza Episkopali tas-Sudan t’Isfel f’messaġġ pubbblikat waqt li kien qed jirritorna lejn pajjiżu minn Ruma.

“Waqt li konna għadna f’Ruma mal-Papa, fit-12 ta’ Settembru, il-mexxejja politiċi tas-Sudan t’Isfel iffirmaw id-dokument finali għall-Paċi. Dan m’hu xejn anqas minn miraklu, f’sens spiritwali”, qal l-Isqof Kussala.

“Il-Papa Franġisku, mill-ewwel ġurnata ta’ din il-gwerra bla sens, qatt ma waqaf jitlob għal pajjiżna, jagħmel appelli u jaħdem biex jintemm dan il-kunflitt. Jekk il-ftehim kien iffirmat meta konna għadna miksija bl-imħabba u t-tħassib tiegħu, x’nistgħu ngħidu? Dan miraklu!”

L-entusjażmu tal-Isqof Hiiboro Kussala jinftiehem aktar meta wieħed jiftakar li fl-aħħar intervisti li ta, kien esprima riservi dwar id-diffikultajiet biex jintlaħaq ftehim definittiv li jwaqqaf din il-gwerra ċivili mdemmija li bdiet f’Diċembru 2013.

Il-ftehim kien iffirmat f’Addis Ababa, il-kapitali tal-Etjopja bejn il-President tas-Sudan t’Isfel, Salva Kiir u l-kap tar-ribelli, l-ex Viċi President tal-pajjiż, Riek Machar.

Fil-messaġġ tiegħu l-Isqof esprima l-ammirazzjoni tiegħu lejn il-pass meħud mill-Awtorità Intergovermentali għall-Iżvilupp, partikolarment is-sehem tas-Sudan, l-Uganda, l-Kenja u l-Etjopja li għamlu l-medjazzjoni li wasslet għall-ftehim.

Madankollu hu ma ħebiex id-diffikultajiet li għad iridu jingħelbu bħalma huma “ċertu livell ta’ nuqqas ta’ trasparenza u l-esklużjoni ta’ ‘stakeholders’ oħra mill-proċess tat-taħditiet”.

Huwa sejjaħ lill-partijiet kollha biex jieqfu milli jagħmlu dikjarazzjonijiet b’lingwaġġ intimidatorju u ta’ tixwix. Il-partijiet fil-kunflitt, bl-azzjonijiet u d-diskors tagħhom għandhom juru li huma verament impenjati lejn il-paċi, appella l-Isqof.

Mons. Hiiboro Kussala temm il-messaġġ tiegħu billi appella lill-“popli tas-Sudan u s-Sudan t’Isfel biex jinsġu xibka biex jinvena futur aħjar għaż-żewġ pajjiżi.