Ftehim finanzjarju biex il-Gvern ineħħi l-garanzija bankarja lill-Electrogas

Il-Gvern, l-Enemalta u l-Electrogas iffirmaw ftehim finanzjarju ma’ disa’ banek lokali u barranin biex permezz tiegħu il-gvern seta’ jneħħi l-garanzija bankarja ta’ €360 miljun li sal-lum kien qed jagħti lill-konsorzju Electrogas għall-power station ta’ Dellimara.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat, f’konferenza ta’ l-aħbarijiet qal li permezz ta’ dan il-ftehim, il-konsorzju se jkun qed jaċċerta lill-Gvern li tiġi pprovduta enerġija kostanti filwaqt li jtemm l-għajnuna temporanja mill-istat li kienet qed tingħata sabiex il-proġett isir.
Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna, fl-intervent tiegħu rrimarka li l-konsorzju ħallas lill-Gvern €11.4 miljun biex jagħmel tajjeb għall-ispiża tal-garanziji tal-Gvern, li wkoll aċċertat li l-imsemmija garanziji ma jitqisux bħala għajnuna mill-istat.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li t-tlett għanijiet ta’ dal-proġett intlaħqu għax kien hemm tnaqqis fil-prezzijiet tad-dawl u l-ilma, l-enerġija ġġenerata kienet aktar nadifa u l-pajjiż kiseb dak li huwa sejjaħ bħala serħan tal-moħħ li l-pajjiż se jibqa’ jkollu provvista kostanti ta’ enerġija.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Żied jgħid li fil-proċess ta’ dan il-proġett, il-Gvern irnexxielu jibdel lill-Enemalta minn kumpanija li kienet qet tagħmel it-telf għal waħda li qed tagħmel il-profitt.
Sostna li s-settur tal-enerġija sal-2013 kien meqjus bħala wieħed mill-aktar fraġli, iżda issa Malta saret mudell Ewropew fil-qasam tal-enerġija.
Semma kif Malta ma setgħetx tibqa’ tistrieħ fuq l-enerġija mill-interconnector u l-powerstation tal-BWSC. Muscat qal li lbieraħ intlaħqet domanda totali għall-enerġija ta’ 374 megawatts, jiġifieri 24 megawatt aktar minn kemm l-interconnector u l-powerstation tal-BWSC setgħu jagħtu flimkien.
Biex jiffirmaw il-ftehim kien hemm Konrad Mizzi għall-Gvern, Frederick Azzopardi għall-Enemalta, u Frans Doerfler għall-Electrogas.