Ftehim dwar l-ikkupjar ta’ materjal ipprintjat u l-użu diġitali tal-kotba

Frank Fabri Justyne Caruana Mark Camilleri
Ritratt: Miguela Xuereb

Ġie ffirmat kuntratt tal-Education Exception, li se jkun qed jirregolarizza għall-ewwel darba l-ikkupjar ta’ materjal ipprintjat (ir-reprografija) u l-użu diġitali tal-kotba Maltin fl-iskejjel. Dan wara sena ta’ negozjati bejn l-imsieħba kollha, li jinkludu l-Ministeru għall-Edukazzjoni, ir-rappreżentanti tal-pubblikaturi u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Dan il-ftehim fl-aħħar għandu l-għan li jirregola l-użu illegali u irregolari tar-reprografija u l-użu diġitali tal-kotba, li minnhom infushom jagħmlu ħsara lill-industrija tal-kotba.Barra minn hekk il-pubblikaturi u l-awturi jirċievu sa massimu ta’ €100,000 allokati kull sena bir-rata ta’ 10% għall-użu reprografiku jew diġitali għal kull ktieb ippubblikat.

Dan il-ftehim se jkun qed japplika għall-iskejjel pubbliċi kollha u anki għall-iskejjel tal-Knisja. Il-ftehim ma japplikax għall-iskejjel indipendenti u għall-Università ta’ Malta, li huma obbligati legalment li jkollhom ftehimiet u arranġamenti mal-industrija tal-kotba.

Ir-regolarizzazzjoni u l-liċenzjar tal-kotba użati fis-sistema edukattiva huwa obbligu tal-Unjoni Ewropea (UE) li kull Stat Membru jrid isegwi.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb irringrazzja lill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, lis-Segretarju Permanenti Frank Fabri u d-Direttur tal-Finanzi tal-istess Ministeru Maria Galea.

Miguela Xuereb

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Ministru Caruana talbet liċ-chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri biex jirreżenja wara argument online ma’ waħda mill-avukati ta’ Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. F’dan l-argument, Camilleri uża kliem baxx.

Ilbieraħ,Camilleri skuża ruħu mal-Ministru Caruana “tad-diskors ikkulurit li uża”, u din irtirat it-talba tagħha għar-riżenja tiegħu.