Ftehim dwar kif se jinħatru l-ġudikanti

Read in English.

Il-Gvern  u l-Oppożizzjoni ftehmu dwar kif se jibdew jinħatru l-membri tal-ġudikatura.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-Gvern u l-Oppożizzjoni ftehemu dwar kif għandu jinħatar il-Prim Imħallef, kif għandhom jinħatru l-Imħallfin u kif għandhom jintgħażlu l-Maġistrati. Dan joħroġ ukoll minn mozzjoni li ġiet preżentata llum stess fil-Kamra tad-Deputati ffirmata mill-Prim Ministru Robert Abela u il-Kap tal-Opposizzjoni Adrian Delia .

Il-mozzjoni Nru 332 tal-lum stess tgħid li:

“intlaħaq qbil fil-prinċipju dwar emendi maħsuba li jsiru, kemm fil-Kostituzzjoni u wkoll fil-liġijiet ordinarji ta’ Pajjiżna, dwar kif għandhom jiġu maħtura ġudikanti ġodda u dwar kif għandu jiġi maħtur Prim Imħallef eventwali”.

L-istess sorsi qalulna li sar ftehim fil-prinċipju – għalkemm id-dettalji għad iridu jinħadmu – illi mil-lum ‘il quddiem il-Prim Imħallef  jibda jinħatar b’maġġoranza kwalifikata tal-membri tal-Parlament, jiġifieri biż-żewġ terzi, basta l-Kummissjoni Venezja taqbel ma’ dan l-arranġament.  Għalkemm l-emendi għadhom ma sarux b‘turija ta’ ftehim bejn iż-żewġ  partiti fil-Parlament, l-ewwel Prim Imħallef li se jkun qed jinħatar b’dan il-mod huwa  l-Imħallef Mark Chetcuti.

Iż-żewġ naħat qablu wkoll illi il-ħatra tal-imħallfin issir billi l-Gvern jagħżel minn lista li tiġi mfassla minn kumitat dwar il-ħatriet li fih ikun hemm maġġoranza  ta’ ġudikanti.

Dan il-ftehim sar wara diversi laqgħat bejn iż-żewġ naħat, uħud minnhom taħt it-tmexxija tal-President ta’ Malta. Is-sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalulna li b’dan il-mod il-pubbliku għandu jkollu moħħu aktar fil-kwiet li fuq il-bankijiet tal-ġudikatura jkun hemm nies imparzjali u serji.

Intant, il-President ta’ Malta George Vella, li jippresedi l-Kummissjoni għar-Riforma Kostituzzjonali, laqa’ l-ftehim bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.