Ftehim dwar allegati danni kkawżati minn ħsarat fit-toroq

L-Uffiċċju tal-Ombudsman Parlamentari laħaq ftehim ma’ Transport Malta dwar ilmenti mressqa fuq allegati danni kkawżati minn ħsarat fit-toroq.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Ombudsman qal li matul l-aħħar sena kien qed jinvestiga numru ta’ lmenti mressqa mill-pubbliku. Dawk li lmentaw saħqu li Transport Malta kellha tindirizza dawn l-ilmenti.
L-Awtorità kkunsidrat din il-kwistjoni, laqgħet is-suġġeriment tal-Ombudsman u ħolqot mekkaniżmu intern biex tinvestiga dawn l-ilmenti li għandhom x’jaqsmu mat-toroq arterjali u distributorji.
L-Ombudsman faħħar l-inizjattiva tal-Awtorità u jemmen li ladarba jkun imwaqqaf dan il-mekkaniżmu, se ikun qed jgħin biex dawn l-ilmenti pendenti jiġu riżolti. 
Ġibed l-attenzjoni li għandu jinħoloq ukoll mekkaniżmu alternattiv kompletament indipendenti, li jara ilmenti li ma jkunux jistgħu jiġu riżolti mill-mekkaniżmu intern tal-Awtorità. Żied jgħid li l-Awtorità ma’ għandhiex tkun involuta fil-każijiet li jitolbu li d-deċiżjoni tal-Kumitat terġa’ tiġi eżaminata għax dan jista’ jiżvijja lill-pubbliku.
Fil-każ ta’ lmenti li huma dwar toroq li huma responsabbli għalihom il-Kunsilli Lokali, dawn għandhom fl-ewwel lok jiġu indirizzati direttament lill-Kunsill Lokali rispettiv u aktar tard jistgħu jitressqu lill-Uffiċċju tal-Ombudsman jekk jibqgħu ma jissolvewx.