“Ftehim dalwaqt dwar iż-żieda fil-paga minima” – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li d-diskussjonijiet biex jintlaħaq ftehim għal żieda fil-paga minima jinsabu fl-aħħar fażijiet.
Waqt konferenza organizzata mill-General Workers’ Union, bit-tema l-isfidi soċjo-ekonomiċi Ewropej fid-dinja tax-xogħol, Dr Muscat qal li dan il-ftehim għandu jservi ta’ pedament għall-progress soċjali biex jitjitebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Spjega li kull imsieħeb soċjali jrid iċedi biċċa sabiex jintlaħaq il-ftehim u  esprima s-sodisfazzjon ukoll li l-Oppożizzjoni qed taqbel mal-ftehim milħuq.
Dr Muscat qal li dan jista’ jsir permezz tal-ekonomija b’saħħitha wara li mill-2013 ’l hawn, il-Gvern ħa diversi deċiżjonijiet li wasslu biex il-faqar jonqos b’20,000 ruħ.
Dwar il-faqar, Dr Muscat saħaq li mhux aċċettabbli li fadal 19,000 persuna fil-faqar.