​Ftehim biex jagħtu spinta lill-kreattività

Il-Fondazzjoni tal-President għall-Benessri tas-Soċjetà u l-Fondazzjoni Kreattività iffirmaw memorandum ta’ ftehim (MoU) li għandu jippermetti l-promozzjoni tal-kreattività bħala mezz ta’ awtorealizzazzjoni, setgħa, u benessri.
Fi stqarrija, iż-żewġ entitajiet qalu li l-ftehim għandu jippermetti li jkunu jistgħu jipprovdu spazji siguri biex membri tas-soċjetà jipparteċipaw b’mod attiv u jinteraġixxu fil-forom tal-espressjoni kreattivi li jtejbu l-benessri individwali u tas-soċjetà.
Id-Direttriċi Ġenerali tal-Fondazzjoni tal-President għall-Benessri tas-Soċjetà Ruth Farrugia sostniet li “il-ftehim se jsaħħaħ il-missjoni tal-Fondazzjoni tal-President biex trawwem u tippromwovi l-benessri għal kulħadd inkluż il-gruppi marġinalizzati u żvantaġġati.”
Il-MoU ġie ffirmat miċ-Ċerpersin tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai u d-Direttriċi Ġenerali Farrugia.