Żvelat ftehim biex Fenech jitħallas €2.5 miljun minn Apap Bologna u Gasan

Aġġornat 04:13 PM

Biex jaffaċċja lill-awtoritajiet fuq l-Electrogas

Read in English.

It-Times of Malta u The Daphne Project żvelaw kif l-investituri fil-powerstation tal-Electrogas Mark Gasan u Paul Apap Bologna ffirmaw ftehim ma’ Yorgen Fenech biex iħallsuh €2.5 miljun talli sab u organizza lill-kuntratturi, kif ukoll talli ffaċċja lill-awtoritajiet fuq dan il-proġett.

It-Times of Malta żvelat kif il-ftehim ġie ffirmat f’isem GEM Holdings. GEM Holdings hi l-kumpanija ta’ shareholders lokali fl-Electrogas, magħmula minn Tumas Group tal-familja ta’ Fenech, Gasan Group u CP Holdings ta’ Paul Apap Bologna.

Il-ftehim bejn Gasan, Apap Bologna u Fenech ġie ffirmat f’Ġunju tal-2014 u jgħid li GEM Holdings għandha tħallas lill-kumpanija ta’ Fenech New Energy Supply €2.5 miljun fi ħlasijiet ta’ żvilupp. New Energy Supply għandhom xi ishma f’GEM Holdings.

Kemm Paul Apap Bologna, kif ukoll Mark Gasan, ċaħdu li kellhom x’jaqsmu mal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013.

Ix-xhieda ta’ Apap Bologna fl-inkjesta pubblika
Apap Bologna jsir jaf li l-Electrogas qed tfalli mill-inkjesta pubblika

Ftit tal-ġimgħat ilu, waqt l-inkjesta pubblika fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Paul Apap Bologna, li issa huwa d-Direttur ta’ Electrogas wara r-riżenja ta’ Fenech, xehed li ma kienx jaf bir-rabtiet politiċi li kellu Fenech.

Skont dak li ġie żvelat dan l-aħħar, dokumenti li kellha fil-pussess tagħha Daphne Caruana Galizia qabel inqatlet, juru kif ix-shareholders fl-Electrogas tħallsu aktar minn €16-il miljun b’fondi ta’ self garantit mill-Gvern li ngħata lil Electrogas.

Fl-2014, GEM Holdings u l-eks shareholder Gasol irċivew €4 miljun fi spejjeż ta’ żvilupp imħallsin mis-self tal-Electrogas. Fl-2015, imbagħad, qabel bdiet tinbena l-powerstation, tħallsu €12.5-il miljun lil GEM Holdings, Socar Trading u Siemens mill-Electrogas.

Dawn il-ħlasijiet saru fl-istess perjodu li Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu qegħdin jiftħu kontijiet bankarji għall-kumpaniji sigrieti tagħhom fil-Panama.

Email ta’ Brian Tonna minn Nexia BT, li jmur lura għal Diċembru tal-2015, jindika li 17 Black, il-kumpanija sigrieta ta’ Yorgen Fenech f’Dubaj, kellha tħallas sa $2 miljun lill-kumpaniji ta’ Schembri u Mizzi fil-Panama.

L-NGO Franċiża Forbidden Stories tikkordina The Daphne Project, li hu magħmul minn 18-il kamra tal-aħbarijiet madwar id-dinja.

Konfermata l-ħtieġa għal inkjesta pubblika – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li din l-aħbar tkompli tikkonferma l-ħtieġa urġenti li ssir inkjesta pubblika dwar din il-powerstation tal-Electrogas, kif talbet l-Oppożizzjoni permezz ta’ mozzjoni li tressqet fil-Parlament aktar kmieni din il-ġimgħa.

Stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba Karol Aquilina u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija Ryan Callus, tgħid li wara kważi jumejn, il-Prim Ministru Robert Abela għadu ma lissinx kelma waħda dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni. Issoktaw jgħidu li, “Robert Abela qed juri kemm hu eżatti bħal ta’ qablu u s-skiet tiegħu huwa konferma li hu kompliċi ma’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi.”

Huma stqarrew li l-Partit Nazzjonalista kien u se jibqa’ jinsisti li ssir magħrufa il-verità kollha dwar il-proġett tal-power station tal-Electrogas biex issir ġustizzja mal-poplu Malti u Għawdxi li qed ikollu jħallas kontijiet ogħla.