Ftehim bejn il-Vatikan u ċ-Ċina dwar il-ħatra ta’ Isqfijiet

Iċ-Ċina u l-Vatikan laħqu ftehim dwar il-ħatra ta’ Isqfijiet, liema ftehim għandu jwassal biex ikunu solvuti problem oħra li hemm bejn iż-żewġ naħat.
Il-Kardinal ta’ Hong Kong, John Tong qal li minn issa ‘l quddiem se tintemm il-kriżi tal-qasma bejn il-komunitajiet insara li joperaw fil-miftuħ u dawk li joperaw bil-moħbi fil-Knsija fiċ-Ċina. Dawn iż-żewġ komunitajiet, bil-mod il-mod jaslu għal rikonċiljazzjoni fuq l-aspetti ta’ liġi, kura pastorali u jtejjbu r-relazzjonijiet bejniethom  u b’hekk il-Knisja fiċ-Ċina taħdem għat-tixrid tal-Evanġelju ta’ Kristu.
Il-Vatikan u ċ-Ċina kienu qatgħu r-relazzjonijiet diplomtiċi bejniethom fl-1951. Fis-snin 80 kienu bdew taħditiet li waqfu kemm il-darba, iżda fl-2014 taħt il-Papa Franġisku reġa’ beda djalogu formali bejn iż-żewġ naħat.
F’dawn l-aħħar snin, is-saċerdoti, is-sorijiet u l-lajċi fiċ-Ċina, minħabba regolamenti governattivi, kellhom jeleġġu isqfijiet ġodda li issa qed ifittxu l-approvazzjoni tal-Vatikan.
Il-Kardinal Tong qal li d-djalogu bejn iċ-Ċina u l-Vatikan jindika li ċ-Ċina issa se tħalli l-Papa jinnomina u jordna l-Isqfijiet Ċiniżi. Beijing se tirrikonoxxi wkoll id-dritt li l-Papa għandu l-awtorita’ finali fl-għażla tal-Isqfijiet fil-pajjiż.
Sal-lum, iċ-Ċina tesiġi li l-Isqfijiet jirreġistraw mal-Assoċjassjoni Patrijottika Kattolika li hi kontrollata mill-Gvern. Numru ta’ Isqfijiet irrifjutaw li jagħmlu dan. Dan wassal biex fiċ-Ċina jinħolqu il-knejjes li jaħdmu fil-pubbliku u oħrajn li jaħdmu bil-moħbi.  Il-ħolqien ta’ din l-Assoċjazzjoni ħoloq diversi problem fir-relazzjonijiet bejn il-Vatikan u l-Knisja.
Fiċ-Ċina bħalissa hemm seba’ isqfijiet li ordnaw lilhom infushom u li allura għandhom “kundizzjoni ta’ skomunika”. Uħud mill-Isqfijiet għandhom problem ta’ kondotta morali wkoll. Iżda jekk ikun hemm kundizzjonijiet xierqa, il-Papa jista’ jneħħi din l-iskomunika.  Biex jiġu maħfura, dawn l-Isqfijiet irid jiktbu lill-Papa u jitolbu maħfra u juru r-rieda li jingħaqdu fil-Knisja.  Hu magħruf li dawn l-Isqfijiet, ilkoll kemm huma kitbu u talbu maħfra lill-Papa Franġisku.
Il-Kattoliċi Ċiniżi huma ċittadini tajbin li ma jieħdux sehem f’attivita’ politika u allura mhux se jheddu l-istabilita’ politika u soċjali, u dan l-awtoritajiet iniżi huma konxji minnu.
Skont il-Kardinal Tong, anke jekk isir dan it-tibdil, il-Knisja fiċ-Ċina mhux se jkollha liberta’ sħiħa kif għandha f’pajjiżi oħra.