Ftehim bejn il-PL u l-FKNK

Fi stqarrija konġunta, l-Partit Laburista u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti ntrabtu bil-ftehim li ladarba l-Partit Laburista jingħata l-mandat biex imexxi Gvern ġdid, l-kumitat Ornis jingħata l-importanza li tixraqlu fid-deċizzjonijiet li jittieħdu.

Għalkemm iż-żewġ naħat għarfu li l-pakkett innegozzjat mal-Unjoni Ewropea dwar il-kaċċa u l-insib mhux rinegozjabbli u ma jistax jerġa’ jinfetaħ, iż-żewġ naħat qablu li fl-iqsar żmien possibli għandu jitnieda proċess ta’ konsultazzjoni sabiex jiġu riveduti liġijiet, avviżi legali u anke sabiex jitneħħew l-inċertezzi fir-regolamenti lokali.

Fl-istqarrija konġunta ntqal ukoll li se tkun applikata deroga biex il-kaċċaturi u nassaba jingħataw soluzzjoni dwar il-kaċċa tal-gammiem u summien fir-Rebbiegħa.