Ftehim bejn id-Djoċesi Għawdxija u l-Gvern b’risq persuni b’diżabbilità u l-anzjani

Id-Djoċesi ta’ Għawdex u s-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva ffirmaw ftehim bil-għan li jaħdmu aktar flimkien fl-oqsma tal-persuni b’diżabilità u tal-anzjani f’Għawdex.
Dan il-ftehim jiffoka fuq pjan ta’ ħidma konġunta biex persuni vulnerabbli f’Għawdex jibbenefikaw mill-firxa ta’ kollaborazzjoni u inizjattivi li qed jittieħdu.
L-Isqof Mario Grech iddeskriva dan il-ftehim bħala okkażjoni importanti biex wieħed jirrifletti fuq ċirkostanzi ta’ vulnerabbilità fis-soċjetà Maltija.
Saħaq li dan il-ftehim hu opportunità biex titrawwem kultura aktar b’saħħitha għal aktar servizzi għall-persuni li għandhom bżonn l-appoġġ.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana rringrazzjat lill-Isqof Mario Grech u fakkret f’inizjattivi pożittivi bħal-learning hub f’Għajnsielem, in-night shelter fix-Xagħra, u l-Hearing Loop System f’Ta’ Pinu, u inizjattivi oħra ma’ diversi parroċċi li qed iħallu l-frott, kif ukoll oħrajn li se jitħabbru fil-ġranet li ġejjin.

Ritratt: MFSS_PS