“Ftakru fit-tfal li qed jivvjaġġaw waħedhom” – Kummissarju għat-Tfal

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal qed ifakkar li t-tfal u l-minuri abbord il-bastimenti li ilhom f’nofs ta’ baħar għal kważi tliet ġimgħat hemm bżonn li jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

Dan intqal fi stqarrija fejn ġie spjegat li l-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà ta’ dawn il-bnedmin, l-iktar tat-tfal u l-minuri li qed jivjaġġaw weħidhom, jiżboq kull ostaklu fl-innegozjar dipplomatiku li qed iżomm lil dawk abbord milli jinżlu l-art b’mod sigur.

Intant l-Uffiċċju ngħaqad mal-Papa u l-entitajiet l-oħra fl-appell tagħhom lill-mexxejja politiċi, kemm dawk nazzjonali, kif ukoll Ewropej, sabiex ikunu solidari u jikkoperaw fuq livell umanitarju biex il-ħajja ta’ dawn in-nies tiġi mħarsa.

“Li nirritornaw lin-nies il-Libja m’għandiex tkun għażla” – Azzopardi

Id-Dean tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi qal fi stqarrija li persuni li jiġu salvati minn fuq il-baħar ma għandhomx jiġu rritornati lejn il-Libja. Sostna li d-49 immigranti li jinsabu fuq iż-żewġ bastiment spiċċaw f’kundizzjonijiet ħżiena ħafna u hemm bżonn kbir li tittieħed azzjoni kemm jista’ jkun malajr.

Sostna li l-Gvern Malti u l-poplu kollhu huwa morlament marbut li jospita lil dawn il-persuni u li tintwera preżenza dimplomatika b’saħħitha fl-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Maqgħuda. Insista li huwa tajjeb li jsiru diskussjonijiet fuq dan is-suġġett madanakollu ma għandhomx isiru askapitu tal-ħajjiet ta’ persuni vulnerabbli.

Protesti f’Bolonja jħeġġu l-Gvernijiet jgħinu lill-immigranti

F’Bolonja seħħew protesti viċin ta’ żewġ torrijiet li qed iħeġġu l-Gvernijiet Ewropej, inkluż dak Malti, sabiex jieħdu azzjoni u jsalvaw lill-immigranti li jinsabu bejn sema u ilma. Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn sorsi li jinsabu fuq il-post.