“Ftakar li int ommhom u tibqa’ ommhom sal-aħħar”

“Ftakar li int ommhom it-tnejn u tibqa’ ommhom sal-aħħar”
Dan kien il-kliem tal-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li qalet lil omm aħwa li nhar it-Tlieta li għadda kellhom argument bejniethom.
Hekk kif beda jinstema’ l-każ, fejn żagħżugħ ta’ 23 sena nżamm arrestat wara li wieġeb li mhux ħati għall-attentat ta’ qtil ta’ ħuh, l-omm dehret imniekta hekk kif wieħed minn uliedha jinsab l-isptar biex jiġi rikoverat u l-ieħor qed jiffaċċja l-Qorti.
Min-naħa tiegħu l-avukat difensur qal li l-omm tinsab f’sitwazzjoni imprekattiva bħala x-xhud ewlieni tal-każ.
Il-Maġistrat qaltilha  biex tagħmel l-aħjar li tista’ biex tkun l-omm għat-tnejn li huma.
Iż-żagħżugħ qed ikun akkużat ukoll li saq karozza b’mod perikoluż u li m’obdiex id-direttivi tal-pulizija.
Intant ħuh, li għal xi ħin kien fil-periklu tal-mewt jinsab f’qagħda stabbli wara li allegatament qala’ daqqiet ta’ sikkina żgħira f’żaqqu.