Tkunx PM tal-Laburisti biss – Team Start PN lil Abela

Miguela Xuereb

Read in English.

Team Start, il-grupp taż-żgħażagħ Nazzjonalisti, kiteb ittra miftuħa lill-Mexxej elett tal-Partit Laburista Robert Abela, li għada se jieħu l-ġurament bħala Prim Ministru. F’din l-ittra huma talbuh jiftakar li mhux se jkun Prim Ministru tal-Laburisti biss, imma tal-poplu Malti kollu, u għalhekk irid iqis il-bżonnijiet ta’ kulħadd.

Robert Abela rebaħ l-elezzjoni għal mexxej tal-Partit Laburista kontra d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Minn xħin beda l-għadd tal-voti, Abela kien minn dejjem fuq quddiem. Fl-aħħar għadd kiseb 57.9% tal-voti, bl-avversarju tiegħu Chris Fearne jikseb 42.1%. B’kollox kien hemm 16,216 tesserat tal-PL li vvutaw fl-elezzjoni li ntemmet is-Sibtfilgħaxija. It-turnout kien ta’ 92.5%.

Fl-ittra tagħhom, Team Start qalu li m’għandhomx wisq tama ladarba Abela kien konsulent “tal-iżjed Prim Ministru korrott fl-istorja” imma se jagħtuh il-benefiċċju tad-dubju.

Iż-żgħażagħ qalu li jittamaw li l-kontinwità li qed iwiegħed ma tkunx fl-importazzjoni bla rażan ta’ ħaddiema barranin, fl-arja maħmuġa, fi skejjel li jitħallew nofs leħja u fil-pagi baxxi. Qalu li jittamaw li jindirizza bis-serjetà l-problema tat-tibdil fil-klima.

Fakkruh li se jkun il-Prim Ministru wkoll ta’ dawk li spiċċaw fil-faqar, ta’ dawk diżappuntati bis-sitwazzjoni tal-ambjent, u ta’ dawk irrabjati fuq l-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fl-indirizz tiegħu waqt attività politika tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żejtun illum, il-Kap Adrian Delia qal li Robert Abela mhux se jkun Prim Ministru ġdid, imma fi kliem Abela stess, se jkun kontinwità ta’ Joseph Muscat. Saħaq li l-poplu Malti qed jistenna ħafna iktar mill-kontinwità, irid li t-tapit oħxon li kien hemm f’Kastilja mċappas bid-dmija mhux jitneħħa imma jinqabad u jintrema.