Ftakar: 20 ħaġa li għandek tagħmel biex ma tlaqqatx il-Covid

covid mask woman
Ritratt: Anna Shvets minn Pexels

Minkejja li ilna mill-bidu tal-pandemija nisimgħu x’għandna nagħmlu biex innaqqsu kemm nistgħu ċ-ċans li nlaqqtu l-coronavirus, tajjeb nerġgħu nagħtu daqqa t’għajn lejn il-metodi ta’ prekawzjoni li għandna nieħdu biex nipproteġu lilna nfusna kif ukoll lil dawk ta’ madwarna:

  • Tilbes maskra
  • Taħsel idejk bis-sapun u bl-ilma għal 20 sekonda
  • Tuża diżinfettant tal-idejn li jkollu bażi ta’ 70% alkoħol
  • Tgħatti mnieħrek u ħalqek b’tessut jew bin-naħa ta’ ġewwa tal-minkeb f’każ li tisgħol jew tagħtas
  • Ma tagħtasx u ma tisgħolx ġo jdejk biex tevita li tikkontamina oġġetti jew individwi li jkollok kuntatt dirett magħhom
  • Tarmi t-tessuti użati mill-ewwel fiż-żibel, tħallihomx jiġru
  • Evita li tmiss il-wiċċ, l-għajnejn, il-ħalq u l-imnieħer qabel ma tkun ħsilt idejk kif suppost
  • Żomm id-dwiefer qosra u neħħi l-extensions tad-dwiefer biex tevita li jinġemgħu l-mikrobi bejn id-dwiefer u s-swaba’
  • Żomm żewġ metri distanza meta tkun qed tkellem lil xi ħadd, u f’każ ta’ trabi evita li terfagħhom għalxejn
  • Evita postijiet li fihom il-folla, u idealment tuża s-servizzi ta’ delivery biex tixtri affarijiet bażiċi bħall-ikel, u mediċini, u fejn hu possibbli tħallas online, minflok bi flus kontanti jew bil-card.
  • Żomm id-dar jew l-uffiċċju ventilat tajjeb, iftaħ it-twieqi spiss
  • Iddiżinfetta oġġetti li tuża regolarment bħal mobile, handbag, ċwievet, imwejjed, pumi tal-bibien u tal-karozzi
  • Malli terġa’ tidħol lura d-dar neħħi ż-zarbun u ddiżinfetta l-qigħ taż-żarbun u jdejk, warrab il-ħwejjeġ kollha għall-ħasil minnufih u mur inħasel immedjatament
  • Jekk mitlub mid-Dipartiment tas-Saħħa biex toqgħod kwarantina, segwi l-14-il jum kwarantina mandatorja b’mod strett biex taċċerta ruħek li ma xxerridx il-virus. Wieħed xorta jista’ jinfetta lil ta’ madwaru anke jekk ma jkollux deni jew sintomi oħrajn tal-virus.
  • Jekk tkun ma tiflaħx tmurx għax-xogħol, l-iskola jew tagħmel xi qadi ieħor fil-pubbliku.
  • Ħu l-vaċċini tal-influwenza staġjonali u tal-Covid-19 sakemm ma jkunx hemm kontraindikazzjonijiet.
  • Kul ikel bnin li għoli fil-Vitamina Ċ/Zinc/Vitamina D
  • Naqqas l-istress
  • Tpejjipx
  • Orqod bejn 6 u 8 sigħat kuljum
  • Agħmel eżerċizzju regolarment

Minn fejn oriġina l-coronavirus?

Il-coronavirus huwa virus li oriġina mil-lokalità ta’ Wuhan fiċ-Ċina f’Diċembru 2019. Huwa ġenetikament simili għall-viruses tas-Severe Acute Respiratory Syndrome (SARS) u Middle East Respiratory Syndrome (MERS).

Ritratt: Pexels

X’inhuma s-sintomi tal-virus?

Sintomi respiratorji li huma simili tal-influwenza bħal:

  • sogħla vojta
  • qtugħ ta’ nifs
  • deni
  • uġigħ fil-griżmejn
  • imnieħer iqattar
  • uġigħ ta’ ras
  • bidla fit-tonaalità tal-vuċi
  • jonqsu s-sensi ta’ togħma u xamm
  • rimettar
  • dijarea
  • uġigħ fil-muskoli
  • għejja

Fl-anzjani jew f’persuni oħra li jkollhom is-sistema tal-immunità baxxa, dan il-virus jista’ jikkawża wkoll sintomi iktar gravi, bħal problemi akuti fil-pulmun li jistgħu jwasslu għal diversi kumplikazzjonijiet li huma wkoll konnessi mal-imwiet assoċjati ma’ dan il-virus.

Huwa magħruf li issa l-virus għamel mutazzjoni, u minħabba f’hekk issa jeżistu iktar minn varjazzjoni waħda ta’ dan l-istess virus li qed jiċċirkola – b’xi wħud, bħat-tipi li ħarġu mill-Ingilterra u mill-Afrika t’Isfel, jafu jkunu iktar aggressivi jew ikollhom rata ta’ infettività iktar għolja minn ta’ qabel.

Ritratt: Andrea Piacquadio minn Pexels

Min hu fl-ikbar riskju li jaqbdu dan il-virus u x’inhuma l-metodi ta’ trażmissjoni?

Il-virus primarjament jinfirex permezz tal-qtar fl-arja u l-metodi ta’ kuntatt dirett. Dan ifisser li jista’ jittieħed meta persuna infettata tmiss xi oġġetti u persuna oħra tmiss partijiet minn wiċċha (bħall-għajnejn, il-ħalq jew l-imnieħer) wara li tkun misset dawn l-istess oġġetti.

Ir-raġuni ta’ dan hija li l-virus jaf jibqa’ attiv fuq diversi oġġetti għal mill-inqas 24-72 siegħa, jew aktar fuq ċertu materjali. Riċerki barranin irriżultaw li l-virus jibqa’ attiv iktar fit-tul fuq il-plastik, il-kartun u l-istainless steel, meta kien ikkumparat mar-ram.

Il-virus jista’ jiġi trażmess ukoll meta persuna toqgħod f’kuntatt dirett ma’ xi ħadd infettat għal ammont ta’ ħin li hu biżżejjed sabiex titla’ l-viral load fis-sistema tiegħu (madwar 15-il minuta); u kif ukoll meta persuna infettata titkellem, tisgħol jew tagħtas, inqas minn 2 metri ’l bogħod minn xi ħaddieħor.

L-iktar nies li qegħdin f’riskju li jaqbadhom il-coronavirus huma dawk li kellhom kuntatti ma’ nies li ġew affettwati b’dan il-virus, speċjalment jekk is-sintomi jibdew ifeġġu madwar 14-il ġurnata wara l-kuntatt ma’ dawn il-persuni infettati, jew safar f’pajjiżi affettwati mill-coronavirus.

Ritratt: Pexels

X’għandu jagħmel xi ħadd li jibda jissuspetta li hu jew xi nies qrib tiegħu qed ibatu minn dan l-istess virus?

  • Huwa importanti li wieħed jibqa’ jistrieħ id-dar
  • Jevita kuntatt dirett man-nies ta’ madwaru
  • Jikkuntattja l-helpline 111 minnufih
  • Jekk ma jkunx qed ibati minn sintomi urġenti jew gravissimi, għandu jevita li jmur ġo kliniċi privati, il-berġa jew l-isptar, biex nevitaw li jixxerred il-virus ġo spazji konfinati.

Fejn tista’ ċċempel għall-għajnuna?

F’każ li wieħed jiġi bżonn ta’ affarijiet bażiċi bħall-ikel jew mediċina waqt li qiegħed fi kwarantina mandatorja, jista’ jċempel dirett fuq 2204 2200 jew 21 411 411 għal aktar għajnuna.

Jekk inti anzjan, jew persuna vulnerabbli li tgħix wahdek u m’għandekx min jagħmillek xirjiet u għandek bżonn provvista ta’ ikel bnin, ċempel għal aktar għajnuna fuq 25903030.

Helpline 1770 għal għajnuna ta’ saħħa mentali għal dawk kollha li qed ibatu minn stress, dipressjoni jew ansjetà relatata mal-Covid-19.

Kull każ ta’ ksur ta’ kwarantina mandatorja jiġi rrappurtat minnufih b’email fuq quarantine.covid19@gov.mt jew permezz ta’ telefonata fuq 22944504 jew 22944511.

Każijiet oħrajn ta’ folol ta’ nies miġburin f’postijiet pubbliċi jistgħu jiġu direttament irrappurtati lill-pulizija fuq: 22944504 jew 22944 511 sabiex dawn l-uffiċjali jkunu jistgħu jieħdu azzjoni, u jmorru fuq il-post, biex iferrquhom minnufih.

Għal iktar informazzjoni fuq il-Coronavirus tista’ ċċempel lid-Dipartiment tal-Prevenzjoni u Kontroll ta’ Mard Infettiv fuq 21324086.

Jekk tixtieq tkompli ssegwi pariri mediċi relatati mas-saħħa olistika, jekk jogħġbok żur u agħfas like fuq din il-paġna ta’ Facebook.