“F’sena u nofs, il-Gvern kaxkar saqajh kemm felaħ” – il-PN

OPM Kastilja

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern kaxkar kemm felaħ saqajh fl-aħħar sena u nofs minn meta rċieva l-ewwel rapport tal-Kummissjoni Venezja. Fi stwqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għar-Riformi Kostituzzjonali Chris Said u l-Kelliem għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, il-PN qal li kien biss fl-aħħar ġimgħat li l-Gvern tatu ferneżija minħabba pressjoni internazzjonali u kellu jaddotta l-proposti tal-Oppożizzjoni u tal-Kummissjoni Venezja dwar il-ħatra u t-tneħħija tal-ġudikatura.

Il-PN elenka għadd ta’ oqsma li joħorġu mir-rapport li r-rapport li ħareġ illum jinnota li l-Gvern ftit li xejn għamel:

  • Biex jitnaqqas il-poter tal-Prim Ministru speċjalment fejn jidħol il-poter li jappunta min imexxi kummissjonijiet jew awtoritajiet kostituzzjonali jew regolatorji.
  • Dwar il-persons of trust jew positions of trust li ntużaw mill-Gvern b’mod mill-aktar abbużiv.
  • Dwar il-membri parlamentari tal-Gvern li ngħataw pożizzjonjiet mħallsa biex jixtru s-silenzju tagħhom.
  • Biex il-Parlament verament ikun post fejn isir l-iskrutinju tal-ħidma tal-eżekuttiv
  • L-Avukat Ġenerali għadu ma ħax f’idejh il-prosekuzzjoni tal-każijiet kriminali – ħaġa li għada f’idejn il-pulizija.
  • L-ebda proposta konkreta kif il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni tkun bis-snien u effettiva.

Il-PN spjega li kien għalhekk li fil-proposti tiegħu inkluda dawn ir-riformi:

  • President tar-Repubblika jkun maħtur b’vot ta’ żewġ terzi tal-Parlament biex ikun jista’ jibda jingħata aktar poteri. Dan il-Gvern opponieh għall-aħħar snin iżda issa jidher li qed jasal biex jaċċetta dak li pproponiet l-Oppożizzjoni.
  • Il-ħatra taċ-Chairpersons tal-Kummissjonijiet u Awtoritajiet Kostituzzjonali, tal-Avukat Ġenerali, tal-Kummissarju tal-Pulizija u istituzzjonjiiet oħra importanti ma tibqax issir mill-Prim Ministru iżda tibda ssir mill-Parlament b’vot ta’ żewġ terzi u fin-nuqqas mill-President tar-Repubblika.
  • Issir liġi ċara dwar limitazzjojijiet fuq positions u persons of trust.
  • Tiġi attwata d-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Istandards u tal-Kummissjoni Venezja biex membri parlamentari ma jkunux jistgħu jingħataw pożizzjonjiet mħallsa mill-Gvern, ħaġa li tneħħi għal kollox l-indipendenza tal-membri parlamentari.
  • Biex il-Parlament ikun il-post fejn isir l-iskrutinju tal-ħidma tal-eżekuttiv, l-Oppożizzjoni pproponiet diversi miżuri fosthom li l-leġislazzjoni sussidjarja kollha tiġi diskussa f’kumitat apposta tal-Parlament u li deċiżjonijiet tal-Ombudsman li ma jiġux attwati jiġu diskussi waħda waħda f’kumitat tal-Parlament.
  • L-Oppożizzjoni tipproponi l-ħatra ta’ Kummissarju kontra l-Korruzzjoni li jkollu l-poteri kollha li jinvestiga u li jkun maħtur b’żewġ terzi tal-Parlament.