Frustrazzjoni miċ-ċiklisti minħabba nuqqas ta’ sigurtà u konsultazzjoni

Il-grupp li jaħdem għad-drittijiet taċ-ċiklisti (BAG) ippospona protesta kontra n-nuqqas ta’ konsultazzjoni realistika dwar it-telf ta’ numru ta’ rotot li kienu tajbin għaċ-ċiklisti u minħabba s-sigurtà f’numru ta’ tibdiliet fit-toroq ġodda.
Il-BAG saħaq li ċiklisti qed jiffaċċjaw problemi fir-roundabouts ta’ Ħal Lija u tal-ajruport. Qalu wkoll li peress li xi kuntratturi mhux qed jobdu r-regoli, nies qed ikollhom jimxu ġot-triq minflok fuq il-bankina, minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni. Skonthom, il-kuntratturi jippreferu jħallsu multa minflok ma jagħmlu l-arranġamenti neċessarji.
Fi stqarrija, il-BAG qal li mument partikolari ta’ frustrazzjoni wasal meta Transport Malta (TM) ma laqgħetx proposta għal contraflow fi Triq Cospicua f’Raħal Ġdif minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Isemmi kif iżda mbagħad TM għalqet ir-rotta ta’ Triq San Ġużepp, l-istess rotta li kienet issuġġeriet hi stess bħala dik alternattiva.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-BAG sejjaħ laqgħa mal-Ministru għat-Trasport Ian Borg, għalkemm għad m’hemmx data fissa.
Kien għalhekk li l-grupp iddeċieda li jipposponi l-protesta sakemm Borg jingħata opportunità għal diskussjoni magħhom.