Frozen 2 idaħħal $350 miljun f’jumejn

Ritratt: Disney

Il-film Frozen 2 daħħal $350 miljun madwar id-dinja matul tmiem il-ġimgħa meta ddebutta fit-teatri taċ-ċinema. Dawn iċ-ċifri kienu ferm aktar minn dawk li kienu ħasbu li se jdaħħal dan il-film fl-istess jumejn.

Dan is-sequel ma jinkludix id-dħul ta’ $15-il miljun fir-Renju Unit u fl-Irlanda u l-$127 miljun fl-Istati Uniti u fil-Kanada li ma humiex inklużi fid-dħul totali ta’ madwar id-dinja. Ta’ min ifakkar li l-film Frozen tal-2013 kien għamel $93 miljun fl-ewwel ħamest ijiem tiegħu fit-teatri. Fl-aħħar nett kien spiċċa b’$1.27 biljun.

Il-kumpanija Disney qalet li s-sequel għamel rekord ġdid ta’ dħul fejn jidħol film ta’ animazzjoni fid-debut tiegħu. Huma jikkunsidraw li remake tal-film The Lion King, li għamel $269 miljun fl-ewwel tmiem il-ġimgħa tiegħu, ma jqisuhx bħala fil ta’ animazzjoni.

Frozen ta’ sitt snin ilu kien għamel box office storiku u sar l-aktar film ta’ animazzjoni li għamel flus. Iżda jidher li Frozen 2 se jirbaħlu.

L-ewwel ħames films ta’ tmiem il-ġimgħa li l-aktar marru tajjeb fl-Istati Uniti kienu dawn:

1. Frozen 2, $127 miljun; 2. Ford v Ferrari, $16 miljun; 3. A Beautiful Day in the Neighborhood, $13.5 miljun; 4. 21 Bridges, $9.3 miljun; 5. Midway, $4.7 miljun.