Frosta u sikkina ntużaw waqt ġlieda bejn żewġ familji f’Ħadd il-Għid

Il-Qorti semgħet dwar il-ġlieda bl-idejn ta’ bejn żewġ familji f’Bormla fuq argument dwar il-ħlas tal-manteniment tat-tfal. Dan l-inċident seħħ f’Ħadd il-Għid.

Omm ta’ tnejn, f’relazzjoni ma’ wieħed minn dawk li sofra ġrieħi fil-ġlieda, irrakontat x’ġara fl-inċident hekk kif kienet preżenti. 8 membri tal-familja bejn it-18 u l-59 sena attakkaw membri ta’ familja oħra wkoll minn Bormla. Tnejn mill-allegati vittmi sofrew ġrieħi gravi, bi tnejn oħra bi ġrieħi ħfief.

L-omm irrakontat kif hi u l-partner tagħha li hu missier iż-żewġt itfal tagħha, ħuh, il-mara tiegħu, kuġina u ħabiba kienu qiegħdin jieħdu xiħaġa flimkien. Hi ndunat li kien hemm xi storbju ġej minn ħdejhom hekk kif inqala’ argument dwar ħlas ta’ manteniment.

Hi ndunat li l-partner tagħha kien miexi lejn il-grupp ta’ nies, hekk kif qamet tiġri tipprova twaqqfu. Spjegat li ratlu frosta f’idu.

Jidher li hu arma ruħu hekk kif wieħed ġie fuqu u staqsih għala mess lil ibnu. Huma bdew jiġġieldu bil-ponn, u x-xhud spjegat li rat lil raġel ieħor iżomm sikkina m’għonq il-partner tagħha. Hi sofriet ġrieħi f’sieqha bis-sikkina hekk kif kienet qed titneħħa minn id ir-raġel, iżda ma setgħetx tidentifika min ikkawżalha l-ġrieħi.

L-akkużati kollha ġew mogħtija l-ħelsien mill-arrest. Erbgħa mill-akkużati ġew meħlusa mill-arrest b’depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €10,000.