Frontex infurmata tard li se jieqaf Mare Nostrum

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Frontex ma kienx infurmat li l-Italja se twaqqaf l-operazzjoni Mare Nostrum biex tibda oħra flokha.
F’intervista mal-aġenzija Ansa, Gil Arias Fernandez spjega li hu sar jaf b’dankollu nhar il-Ħamis li għadda.
Dan minkejja li fil-bidu ta’ dan ix-xahar, il-Ministru Taljan Angelino Alfano ħabbar li Mare Nostrum se tieqa fil-31 ta’ Ottubru u mill-1 ta’ Novembru se tibda taħdem l-operazzjoni Triton.
Fernandez għamilha ċara li Mare Nostrum u Triton mhumiex l-istess.  Skontu, l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea ma jistgħux jieħdu post l-istati membri u jitgħabbew bir-responsabiltà li jikkontrollaw minflokhom il-fruntieri. 
Spjega li għall-kuntrarju ta’ Mare Nostrum, l-iskop prinċipali tal-operazzjoni Triton, li se tibda fil-Mediterran min-Novembru, hu li tikkontrolla l-fruntiera u mhux tagħmel ir-riċerka u tgħin lin-nies fil-bżonn.
Sostna li Mare Nostrum kienet tfittex u tgħin lill-persuni f’diffikultà u fi żmien sena għenet madwar 143,000 immigrant u salvat mill-għarqa 70,000 persuna.
Fernandez irrimarka li mhux l-ewwel darba l-Frontex spiċċat biex għenet lin-nies isalvaw mill-għarqa għaliex minkejja li dak mhux xogħolha, “li ssalva l-ħajja hi priorità assoluta”.
Ġimagħtejn ilu, il-Kunsill tal-Ministri Ewropej għall-Ġustizzja u għall-Intern iltaqgħu f’Lussemburgu u qablu mal-presidenza Taljana, li mill-1 ta’ Novembru li ġej tibda taħdem l-operazzjoni Triton u se tkun qed taħdem 30 mil ‘il barra mill-kosta Taljana.
Dwar l-operazzjoni konġunta Triton, il-Ministru Malti Manuel Mallia qal li l-Gvern Malti se jagħti l-għajnuna meħtieġa lill-Italja biex din l-operazzjoni tirnexxi waqt li l-Frontex għandha tingħata aktar għajnuna finanzjarja biex tħares il-Mediterran u ssalva l-ħajjiet.