It-tobba kollha kkoperaw mal-istrajk ta’ siegħa – Il-MAM dwar il-membri

Aġġornat 10:53 AM

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) ħabbret li l-membri kollha tagħha li jaħdmu fis-saħħa pubblika segwew l-istrajk ta’ siegħa li ordnat il-MAM bejn it-8am u d-9am illum.

Fi stqarrija, il-MAM qalet l-ħidma tat-tobba tas-saħħa pubblika tinkludi l-koordinazzjoni tar-rispons tas-saħħa pubblika għall-coronavirus. Qalet li normalment dawn jagħmlu xogħol amministrattiv, jorganizzaw u jipparteċipaw fix-xogħol taċ-ċentri tal-iswabbing, attivament jaħdmu fuq il-contact tracing, u jagħmlu kollezzjoni u analiżi ta’ informazzjoni oħra li fuqa jibbażaw il-pariri xjentifiċi madwar il-coronavirus.

Strajk tat-tobba jesprimi d-diżappunt “għax is-saħħa pubblika mhux titpoġġa l-ewwel”

Il-front liners lokali li qed jissieltu kontra l-firxa tal-coronavirus u li jagħmlu parti mill-COVID-19 Response Team qed jagħmlu strajk ta’ siegħa bejn it-8am u d-9am illum.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), u l-Assoċjazzjoni tal-Mediċina għas-Saħħa Pubblika (MAPHM) ħabbru li wara dak li ġara fl-aħħar jiem b’rabta mal-miżuri u r-reazzjoni tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), l-ispeċjalisti tal-mediċina tas-saħħa pubblika, Specialist Trainees u l-Foundation Doctors se jkunu qed jipprotestaw kontra l-mod kif il-gvern qed jaffaċċja l-pandemija. Kien spjegat li l-unika eċċezzjoni se tkun għat-tobba li qed jaħdmu fiċ-ċentri tal-iswabbing.

Standing together to protect everyone’s health#staysafe #protectthevulnerable #publichealth

Posted by MAPHM – Malta Association of Public Health Medicine on Wednesday, August 19, 2020

“Sakemm l-awtoritajiet tas-saħħa mhux se jitħallew jiffunzjonaw mingħajr influwenza jew pressjoni, se jkun hemm konsegwenzi fuq is-saħħa tal-popolazzjoni li ħadd ma jixtieq li jara,” insistew l-assoċjazzjonijiet.

Ilbieraħ, il-MAM kjarifikat li b’hekk qed tirreferi għat-tobba li jaħdmu fl-amministrazzjoni fis-saħħa pubblika, u mhux għal dawk f’Mater Dei u l-isptarijiet l-oħra. Din id-direttiva ma tgħoddx għall-Kap Uffiċjal Mediku u għas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

L-avviż legali maħruġ mill-MTA t-Tlieta ħoloq konfużjoni, billi nftiehem minn bosta li l-bars jistgħu jiftħu u n-nies jistgħu jmorru fihom jieħdu x-xorb ġaladarba jieħdu mqar pakkett krisps. Dan wassal lill-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) biex dalgħodu tgħid li qed terġa’ tikkunsidra li tieħu azzjoni industrijali. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kkjarifikat li l-avviż legali l-ġdid jippermetti lill-bars u l-każini li jservu ikel u xorb, imma lill-klijenti bilqiegħda mal-imwejjed biss.

Fi stqarrija ta’ kjarifika, l-MTA kienet qalet li l-enfasi ewlenija tibqa’ fuq il-kunċett ta’ klijent bilqiegħda ma’ mejda u mhux idur bilwieqfa, bid-distanza soċjali relattiva applikabbli. Dan minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet ta’ nhar it-Tnejn li għadda, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalu li d-discos, nightclubs u bars iridu jagħlqu mil-lum. Il-bars u l-każini, iżda, li jservu l-ikel, u li jistgħu jipprovdu ambjent ta’ ristorant, huma eżentati.

“Ċertu lobbies kontinwament jippruvaw jimminaw l-isforzi tas-saħħa pubblika”

Il-MAM u l-MAPHM sostniet li l-kummenti riċenti tad-Direttur tal-MTA, “fejn qed jistruzzjona kif stabbilimenti jistgħu jimminaw l-avviż legali li daħal fis-seħħ biex jipproteġi s-saħħa pubblika”, juri kif ċertu lobbies kontinwament jippruvaw jimminaw l-isforzi tal-professjonisti tas-saħħa biex il-pandemija tinżamm taħt kontroll.

L-assoċjazzjonijiet insistew li ma jistgħux jibqgħu jaħdmu f’ambjent fejn il-professjonisti tas-saħħa kontinwament jiġu imminata u msejħa bħala dawk li jridu jbeżżgħu. “Il-falliment tal-gvern li jipprijoritizza s-saħħa tal-poplu fuq l-interess ekonomiku ta’ ftit mhux responsabbiltà tagħna,” insistew il-professjonisti.

Qalu kif it-tobba tas-saħħa pubblika u għexieren ta’ persuni oħrajn ilhom jaħdmu binhar u billejl, sebat ijiem fil-ġimgħa, ‘il boqgħod mix-xogħol normali tagħhom għal minn tal-inqas sitt xhur. Dan kollu biex tkun ikkontrollata l-pandemija. “Il-pariri tagħna huwa ppruvat li huma effettivi għax ibbażati fuq evidenza xejntifika ppruvata li hija effettiva. Il-pandemija kienet taħt kontroll fil-bidu tas-sajf,” insistew it-tobba.

Sostnew li bħala esperti tas-saħħa, kienu pproponew framework trasparenti bbbażat fuq risk-assessment li kellu parametri ċari li kellhom ikunu segwiti. Qalu li dan kien iwassal biex ċerti stabbilimenti u attivitajiet ikunu jistgħu jerġgħu jibdew joperaw b’miżuri ta’ mitigazzjoni. “Din kellha tkun sistema dinamika li tirreġixxi malajr għat-tibdiliet fin-numru tal-każi. Minflok segwa dan il-pjan, il-gvern iddeċieda biex ma jippubblikahiex u jmur kontra l-pariri raġjonevoli tas-saħħa pubblika,” insistew l-assoċjazzjonijiet.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn