Front Ħarsien ODZ kontra l-iżvilupp ta’ shooting range fil-Mosta

Front Ħarsien ODZ qed toġġezzjona għall-iżvilupp ta' shooting range fl-inħawi ta' Busbesija, il-Mosta, kemm minħabba l-fatt li dan hu żvilupp kbir barra ż-żona tal-iżvilupp kif ukoll minħabba l-impatt negattiv fuq dar li tintuża għall-irtiri.
Fi stqarrija, il-Front Ħarsien ODZ qal li l-barracks li l-iżviluppaturi lesti biex jirristawraw jiffurmaw biss 10% tas-sit propost li se jkun jinkludi shooting ranges ta' 300 metru, ta' 25 metru, ta' 50 metru u diversi faċilitajiet oħra.
Front Ħarsien ODZ qed tappella lill-MEPA u lill-Gvern biex fil-policy li tirregola l-iżvilupp ta' shooting ranges jiġi ddikjarat li l-ebda shooting range ma tista’ tiġi proposta ħdejn skejjel, sptarijiet ,
djar tal-anzjani u postijiet tal-irtiri.
Il-Front Ħarsien ODZ qal ukoll li tinsab imħassbu dwar rapporti li l-iżviluppaturi beħsibhom jorganizzaw il-World Cup tal-isparar f'post li għandu jibqa' kwiet u ħieles minn żvilupp li jġib miegħu iktar traffiku u
storbju.