Front Ħarsien ODZ joġġezzjona għas-sit propost minflok il-Qajjenza

Front Ħarsien ODZ appella biex isir eżerċizzju trasparenti li permezz tiegħu jintagħżel is-sit fejn jinħażen il-fuel għall-Enemed, minflok fil-Qajjenza f’Birżebbuġa.
Filwaqt li tenna l-appoġġ tiegħu li l-faċilità fil-Qajjenza tingħalaq u jintagħżel sit ieħor, il-front esprima t-tħassib tiegħu dwar ir-rilokazzjoni lejn żona meqjusa b’valur għoli tal-pajsaġġ u b’importanza xjentifika.
Insista li l-għażla tas-sit għandha sseħħ fuq termini ta’ riferenza mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u mill-Awtorità tal-Ippjanar, li jagħtu prijorità lil inħawi disturbati fuq art agrikola jew b’valur ekoloġiku, u li l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata biss wara l-konklużjoni ta’ studju u konsultazzjoni sħiħa mal-komunitajiet lokali involuti.
Fl-istess ħin, esprima sodisfazzjon li l-kunsill lokali tal-Gudja baqa’ konsistenti mal-pożizzjoni tiegħu tal-2005 meta proposta simili saret mill-amministrazzjoni preċedenti.