Front Ħarsien ODZ jitlob trasparenza fuq l-għażla tas-sit tal-università

Il-Front Ħarsien ODZ qed jesprimi it-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' trasparenza li kkarratterizzat l-identifikazzjoni tas-sit fejn qed jiġi propost li tinbena università privata minn Sadeen Construction Group.
Fi stqarrija, il-Front tenna t-talba tiegħu biex il-ftehim bejn il-Gvern u l-kumpanija barranija jiġi ppubblikat immedjatament. Spjega kif il-fatt li saru laqgħat bejn il-MEPA u l-uffiċċju tal-Prim Ministru dwar dan il-ftehim, juru li l-ftehim għandu implikazzjonijiet fuq il-proċess tal-ippjanar.
Jinsab imħasseb ukoll dwar il-mod ta’ kif l-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv ħejja l-ewwel rapport dwar l-identifikazzjoni tas-sit, fl-assenza ta’ konsultazzjoni mad-direttorat tal-ambjent tal-MEPA. Saħaq li hu xokkanti li ħadd ma ffirma r-rapport.
L-istqarrija tgħid ukoll li Front Ħarsien ODZ jaqbel totalment mad-dikjarazzjoni taċ-ċerpersin tal-kumitat parlamentari Marlene Farrugia, li talbet lill-Kap Eżekuttiv, biex “jifhem li d-dmir tiegħu bħala CEO tal-MEPA mħallas mit-taxxi tal-poplu hu li jwieġeb lill-pubbliku Malti.” Appellatlu biex meta l-Gvern jitolbu xi ħaġa simili, jgħidlu biex ma jmissx iż-żona barra l-iżvilupp.
Front Ħarsien ODZ jinsisti li issa li għaddej eżerċizzju ieħor ta' identifikazzjoni ta' siti oħra, ikunu involuti d-direttorati kollha tal-MEPA u li jiġu ppubblikati l-ismijiet tal-esperti kollha involuti. 
Il- Front Ħarsien ODZ għamilha ċara li qatt m'hu se jaċċetta li jsir xi forma ta' żvilupp la fiż-Żonqor u lanqas fuq art ODZ oħra biex fuqha tinbena l-università proposta
Ħeġġeġ lil kulħadd jipparteċipa fil-protesta nazzjonali ta' nhar is-Sibt li se tibda fl-10am minn ħdejn il-parlament il-ġdid.