Front Ħarsien ODZ jitlob il-pożizzjoni ta’ kull MP dwar iż-Żonqor

Front Ħarsien ODZ kiteb lill-Membri Parlamentari taż-żewġ naħat tal-Kamra, u lill-mexxejja tagħhom, jitolbuhom l-opinjoni tagħhom dwar il-proposti għall-iżvilupp fl-inħawi taż-Żonqor, f’Marsaskala.
‘Il quddiem, se jitolbuhom ukoll il-pożizzjoni tagħhom dwar żvilupp proposti f’inħawi oħra barra ż-żoni ta’ żvilupp, fosthom dwar il-proposta ta’ shooting range qrib Mount Saint Joseph fil-Mosta.
Il-moviment miċ-ċittadini fakkar fil-protesta nazzjonali li qed jorganizza fl-20 ta’ Ġunju kontra l-iżvilupp propost għall-inħawi taż-Żonqor u qal li fil-qrib se jħabbar il-pożizzjonijiet ta’ kull Membru Parlamentari dwar dan.
Insista li ċ-ċittadini għandhom id-dritt ikunu jafu x’inhi l-pożizzjoni ta’ dawk li eleġġew biex jirrappreżentawhom. Huma qed jitolbu lid-deputati biex jiktbulhom sal-14 tax-xahar.