Aġġornata (1): Il-PA tiċħad l-allegazzjonijiet tal-Front Ħarsien ODZ

L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) ċaħdet kategorikament li s-sit il-ġdid tagħha jċaħħad b'xi mod lill-utenti milli jaċċessaw informazzjoni dwar żviluppi pendenti, kif deherlu l-Front Ħarsien ODZ aktar kmieni.
Il-PA sostniet li fil-pjattaforma diġitali hemm marbutin sfiq flimkien is-sit, il-GeoPortal u l-e-Application biex tapplika onlajn. Flimkien dawn jipprovdu livell għoli ta' trasparenza.
Ir-reazzjoni tal-PA tkompli tgħid li s-sit jipprovdi lista ta' applikazzjonijiet ta' żvilupp li tiġġedded kull ġimgħa, skont jekk l-inħawi jkunux ta' konservazzjoni urbana jew ODZs.
Min-naħa tiegħu, il-Front Ħarsien ODZ sostna li s-sit il-ġdid tal-PA mhuwiex trasparenti biżżejjed għax issa ma tistax tfittex aktar għall-applikazzjonijiet pendenti dwar żviluppi fuq ODZs.
L-organizzazzjoni mhux governattiva li sseqqer fuq l-abbużi li jistgħu jsiru fuq art barra miż-żona ta’ żvilupp qalet fi stqarrija li s-sit l-antik kellu l-faċiltà li tfittex għal żoni f’Malta u Għawdex immarkati bħala Nħawi ta’ Konservazzjoni Urbana, kif ukoll għal żviluppi oħra, speċjalment fuq ODZs.
Il-Front qal li b’dan l-aġir il-PA qed tisraq lill-pubbliku ġenerali, lill-Kunsilli Lokali u lill-NGOs oħra mid-dritt li jiskrutinizza żviluppi li diġà ngħatw numru mill-Awtorità.
Il-PA llum nediet is-sit il-ġdid tagħha, u fl-istqarrija qalet li se tagħti lil min juża s-servizz “informazzjoni essenzjali dwar l-ippjanar”.
Hija elenkat għadd ta’ karatteristiċi tas-sit il-ġdid, fosthom diżinn aktar attrattiv u esperjenza aqwa għall-utent għax isib malajr l-informazzjoni li jixtieq isib.
Żvilupp partikulari huwa l-faċiltà li tapplika għal DNOs, l-Ordni għal Notifikazzjoni ta’ Żvilupp, mis-sit stess. L-istqarrija tgħid li dan se jħaffef xogħol il-periti li japplikaw mill-ewwel f’isem il-klijent tagħhom.
Wieħed jista’ jżur is-sit il-ġdid tal-Awtorità tal-Ippjanar minn hawnhekk.
Fir-ritratt: Nadra (overview/snapshot) tas-sit il-ġdid tal-Awtorità tal-Ippjanar