Front Ħarsien ODZ jassigura li l-protesta mhux se tkun partiġġjana

Il-Front Ħarsien ODZ jisħaq li kemm l-amministrazzjoni Nazzjonalista kif ukoll l-amministrazzjoni Laburista ma pproteġewx l-inħawi ‘l barra miż-żoni tal-iżvilupp. Żied jgħid li estensjoni tal-fruntieri ta’ żvilupp saret ukoll fl-2006, deċiżjoni li għadha taffettwa l-ambjent sal-lum.
Il-Front jinnota b’sodisfazzjon li l-Partit Nazzjonalista wiegħed li mhux se jirrepeti dawn l-iżbalji fil-futur.
Jittama li l-politiċi li fil-passat jew fil-preżent ħadmu għal proġetti li jeqirdu l-ambjent,  ma jippruvawx ‘jidhru’ fil-protesta li se ssir.
Front Ħarsien ODZ qed jistenna wkoll li partiti politiċi li jopponu l-iżvilupp fiż-Żonqor, biex ikunu ċari fid-dikjarazzjoni tagħhom kontra żviluppi f’żoni ODZ fil-futur, kemm dawk li jsiru mill-Gvern kif ukoll mill-partit fl-oppożizzjoni.
Spjega li minkejja li kulħadd hu mistieden li jipparteċipa fil-protesta tal-20 ta' Ġunju, se jkun il-Front li se jmexxi d-demostrazzjoni, biex ikun assigurat li ma tkunx partiġġjana.
Il-Front se jassigura li rappreżentanti ta’ partiti politiċi mhux se jitħallew ikollhom irwol prominenti.