Front Ħarsien ODZ iwissi dwar impjanti kbar ta’ enerġija mix-xemx

Front Ħarsien ODZ ippubblika l-pożizzjoni tiegħu dwar impjanti għall-enerġija mix-xemx, wara laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Iżvilupp.
Il-Front sostna li l-politika tal-Gvern dwar l-impjanti kbar ta’ enerġija mix-xemx għandha tiġi ppubblikata wara aġġornament tal-politika Maltija għall-enerġija biex jittieħdu in kunsiderazzjoni għażliet oħra marbuta mal-enerġija alternattiva u biex jitqies id-daqs tal-pajjiż u d-densità tal-popolazzjoni.
Fuq kollox, insista l-Front, għandu jitqies l-impatt ambjentali ta’ kull għażla.
Saħaq li l-għażla għandha tibqa’ favur l-installazzjoni ta’ pannelli solari fuq il-bjut ta’ bini eżistenti, bi skemi u liġijiet li jsiru apposta.
Wissa biex l-installazzjoni ta’ pannelli fuq serer ma twassalx għal bini ta’ serer kbar fejn iħallu mpatt fuq il-pajsaġġ.
Dwar il-barrieri mhux użati, il-Front sostna li dawn għandhom jibqgħu għal użu agrikolu u jekk jitwaħħlu pannelli solari fihom m’għandhomx ikunu pretest għal żvilupp ieħor.
Saħaq li impjanti kbar għandhom jiġu esklużi minn kull art agrikola u li, bil-maqlub, għandhom jitqiesu f’inħawi industrijali jew fejn hemm negozji żgħar u medji.