Front Ħarsien ODZ iħeġġeġ lill-MEPA ma tikkunsidrax il-proġett f’Ta’ Ċenċ

Front Ħarsien ODZ, fi stqarrija, qed jinsisti li l-MEPA għandha tiddikjara l-proposta ta’ żvilupp f’Ta’ Ċenċ f’Għawdex bħala ‘proġett li ma jibdiex’ bħalma, skont il-Front, għamlet l-istess MEPA dwar il-proġett propost fl-inħawi tal-Munxar fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Il-Front spjega li l-proposta għal Ta’ Ċenċ tinkludi l-bini ta’ 15-il villa ġdida li jħarsu fuq l-inħawi protetti ta’ Mġarr ix-Xini u l-estensjoni tal-lukanda eżistenti b’118-il kamra oħra.
Il-Front saħaq li l-proġett propost hu f’inħawi barra ż-żona tal-iżvilupp, hu pprojbit mill-pjani lokali tal-MEPA u li f'rapport tal-2007 il-MEPA stess kienet ippronunċjat lilha nnifisha kontra iktar żvilupp hawnhekk minħabba l-effett negattiv tal-bini fuq kolonji tal-għasafar u l-inħawi ta’ konservazzjoni li jinsabu fil-qrib.
Il-Front tenna l-appell tiegħu lill-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Sannat biex jiddikjara li hu kontra l-proġett u appella lill-Gvern biex jibda taħdidiet mal-propjetarji biex din iż-żona tinbidel f’park naturali fejn ma jsirx iktar żvilupp barra dak li hemm.