F’riskju l-għajxien ta’ 11,500 persuna fil-qasam marittimu – MMF

Read in English.

Il-Malta Maritime Forum (MMF) qal li l-għajxien ta’ 11,500 persuna fil-qasam marittimu huwa f’riskju.

Fi stqarrija l-MMF qal li gvernijiet barra minn Malta qed ifaħħru u jikkumpensaw finanzjarjament l-industriji marittimi. Mill-banda l-oħra skont l-istess forum, il-Gvern Malti abbanduna lill-ħaddiema Maltin.

Il-MMF bħalissa huwa ddispjaċut peress li l-Gvern Malti ma apprezzax il-prudenza li hu wera. Il-MMF kellu laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela fis-7 ta’ April. Il-forum ippropona li jinqasam il-piż fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-pandemija tal-coronavirus. Il-MMF ippropona li min ħaddem iġorr 60% tal-piż, il-Gvern 30% u l-impjegati 10% b’garanzija li l-impjieg tagħhom jitkompla minkejja s-sitwazzjoni diffiċli.

“B’dispjaċir ngħidu li, bl-aktar mod insensittiv, tliet ġimgħat wara din il-laqgħa, il-Forum għadu ma sema’ xejn minn għand il-gvern u wisq anqas ingħata konferma,” qal il-MMF. Qal li ma talabx biljun dollaru li l-Gvern tal-Korea t’Isfel qed jipprovdi lill-industrija tagħha.

Fil-laqgħa, l-MMF wera lill-Gvern kif l-industrija marittima Maltija ilha ġġorr il-piż kollu waħedha minn Jannar meta l-portijiet Ċiniżi ngħalqu u l-bastimenti kellhom iħassru vjaġġi sħaħ minħabba nuqqas ta’ merkanzija. Entitajiet lokali marittimi qed jitilfu bejn 40% sa 100% tas-sehem tas-suq.

“Id-deċiżjoni tal-gvern li jinjora l-industrija marittima se jkollha impatt qawwi u fit-tul. Il-persuni impjegati fl-industrija marittima jistħoqqilhom għajnuna minn fondi pubbliċi li huma stess ikkontribixxu għalihom. Mhux ġust li l-impjegati fis-settur marittimu qed jiġu diskriminati,” qal il-MMF.

Il-MMF tirrappreżenta entitajiet marittimi li jinkludu burdnara, trasbord, pilotaġġ, irmonk, tiswijiet ta’ vapuri u servizzi fil-port.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn