Friends of the Earth Malta tappella biex ma tinbeniex skola ġdida f’Pembroke

L-għaqda ambjentali Friends of the Earth (FoE Malta) ssotomettiet l-oġġezzjonijiet tagħha mal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) għall-iżvilupp ta' skola privata ġdida fuq art verġni f'Pembroke.
Fi stqarrija FoE Malta qalet li temmen li dan il-proġett se jisraq in-natura u l-ispazju miftuh mir-residenti tal-lokal u minn dawk kollha li jħobbu jżuru l-akwati.
Saħqet li kulħadd għandu bżonn in-natura f'ħajtu u li din hi kruċjali għas-saħħa.
FoE Malta sostniet li l-bini ta' din l-iskola se jisraq mit-tfal il-benefiċċju li jqattgħu l-ħin fin-natura u li din l-art se tittieħed mingħand il-massa biex ftit nies jagħmlu profitt.
Żiedet tgħid li dan l-iżvilupp se jaffetwa wkoll is-sit ta' Natura 2000 li jinsab biswit l-art li qed tkun proposta biex fuqha tinbena din l-iskola, primarjament minħabba tniġġiż tal-arja u storbju.
Wara li ħafna residenti kitbu fuq Facebook biex jesprimu d-diżapprovazzjoni tagħhom għal din l-applikazzjoni, Newsbook.com.mt kien tkellem mas-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili, li qal li bħalissa Pembroke jinsab taħt assedju.
​Sadanittant id-Direttriċi tal-Iskola Chiswick kienet argumentat li minkejja l-protesti li qed isiru, l-iskola l-ġdida proposta f’Pembroke, għandha tinbena, għax se tkun l-ewwel waħda tat-tip tagħha fl-Ewropa . 
Ritratt: FoE Malta