Friends of the Earth Malta b’appell biex tiġi salvata l-bajja ta’ Kalanka

Friends of the Earth Malta saħqu li l-bajja ta’ Kalanka tista’ tiġi salvata. Għaldaqstant huma qed idawru petizzjoni sabiex din iż-żona titqies bħala dominju pubbliku u tingħata l-ħarsien mil-liġi.
Is-sit ta’ Kalanka flimkien ma’ 23 sit ieħor jinsabu għall-konsultazzjoni pubblika sabiex jiġu meqjusa bħala dominju pubbliku. Ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu minn din il-konsultazzjoni se jgħaddu għand is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Chris Agius, biex minn hemm jgħaddu quddiem il-Parlament.
Fi stqarrija l-grupp spjega li jekk is-sit ikun dominju pubbliku ebda Gvern ma jista’ jinneggozzja b’mod ħieles l-art.
Stqarr li qed jagħmel dan għax jemmen li l-ambjent huwa għal kulħadd.     

Ritratt: viewingmalta