Frieħ tal-fkieren jinstabu mejtin ġo bejta mhux magħrufa f’Marsaskala

Nature Trust Malta

Read in English.

Bejta mhux magħrufa ta’ fekruna komuni tal-baħar (Caretta caretta) ġo Marsaskala spiċċat ħażin hekk kif l-ebda wieħed mil-frieħ li faqqsu ma jidher li salva, Nature Trust Malta (NTM) rraportat dal-lejl.

Fuq Facebook, NTM qalet li hi u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ġew infurmati mill-Malta Red Cross li tfal li kienu qegħdin jilagħbu fir-ramel fil-bajja tal-Fajtata skoprew numru ta’ frieħ ta’ fkieren mejtin.

This evening Nature Trust Malta and Era were alerted by Red Cross that some children playing in the sand at Fajtata Bay…

Posted by Nature Trust – FEE Malta on Thursday, September 3, 2020

Il-bejta tħaffret minn uffiċjali tal-ERA u membri tal-NTM fil-preżenza ta’ veterinarju. Għalkemm instab ferħ wieħed li kien għadu ħaj, dan kien fi stat ħażin ħafna u miet ftit tal-minuti wara. Il-kontenuti tal-bejta ttieħdu biex tiġi investigata il-kawża tal-mewt tal-frieħ u biex jittieħdu kampjuni tad-DNA.

Nature Trust innutat li peress li ma kinitx magħrufa, il-bejta – li kienet f’parti ċentrali tal-bajja – jidher li intrifset minn ħafna nies matul is-sajf.

L-NGO qalet li mill-lum ‘il quddiem se tibda tinkludi l-bajja tal-Fajtata fir-rondi li tagħmel biex tidentifika l-bejtiet tal-fkieren kull sena, bil-għan li tiġi evitata sitwazzjoni simili fil-futur. Għamlet appell għall-voluntiera biex jgħinuha f’dawn ir-rondi, li jiġu mħarrġa mill-NTM stess.

Il-bejtiet tal-fkieren huma protetti bil-liġi: huwa pprojbit li tiddisturba bejta u li tieħu jew tneħħi bajd jew frieħ, kemm jekk ħajjin kif ukoll mejtin.