Freebird Airlines tistabbilixxi l-parti Ewropea tagħha f’Malta

Transport Malta ppreżentat Ċertifikat ta’ Operatur tal-Ajru lil Freebird Airlines Europe. Il-linja tal-ajru stabbilita Torka se topera titjiriet kummerċjali fl-UE bl-ewwel ajruplan Malti tagħha, Airbus A-320.

Freebird Airlines mistennija testendi l-operat tagħha fl-Ewropa u f’reġjuni oħra, b’aktar tkabbir tal-flotta tagħha. Il-Ministru Ian Borg qal li Freebird Europe huma fost lista twila ta’ operaturi li għażlu lil Malta bħala l-ġurisdizzjoni preferuta tagħhom.

Ftit tal-ġimgħat ilu, Transport Malta lliċenzjat lil Freebird bħala Organizzazzjoni Approvata tat-Taħriġ, li tipprovdi taħriġ fl-avjazzjoni li jiffoka primarjament fuq taħriġ għall-kwalifika għall-Airbus A320, għall-Boeing 737, taħriġ għall-għalliema tas-simulatur tat-titjir u taħriġ għall-għalliema tal-klassifikazzjoni tat-tip

Freebird Airlines Europe tifforma parti minn Gözen Holding, grupp ta’ kumpaniji bi storja b’saħħitha fl-industrija tal-avjazzjoni. Il-grupp għandu linji tal-ajru u uffiċċji li joffru servizzi ta’ rappreżentazzjoni, sorveljanza, fuel , kontroll, senserija, sigurtà u taħriġ. Il-grupp ilu stabbilit għall-aħħar 38 sena u s-6 kumpaniji fi ħdanu jimpjegaw aktar minn 2,000 individwu.

Freebird Airlines hi linja tal-ajru taċ-chartering internazzjonali li ġiet stabbilita fis-sena 2000 u sservi lill-Ewropa u reġjuni viċini bi flotta ta’ ajruplani Airbus A320. Iċ-Ċentru Internazzjonali tat-Taħriġ fit-Titjiriet ta’ Istanbul (IFTC) ukoll jifforma parti minn dan il-grupp, b’ħames simulaturi full-flight għall-ajruplani A320 u B737-NG u b’faċilitajiet ta’ kwalità għat-taħriġ u għas-servizzi f’kemm Istanbul kif ukoll f’Antalya fit-Turkija.