Freddie Portelli għal ġol-klabbs!

Id-DJ residenti ta’ Sound Salon, DJ Micimago, għadu kif nhieda s-single ġdida tiegħu b’kollaborazzjoni ta’ Freddie Portelli.

Ir-re Malti tar-rock’n’roll, Freddie Portelli, ftit ilu nhieda s-single l-ġdida tiegħu, Il-Kbir Għadu Ġej, miktuba mid-direttur tat-teatru Sean Buhagiar u bil-mużika ta’ Maestro Dominic Galea. Is-single issa għadha kif ġiet f’idejn id-DJ bravissimu DJ Micimago li għamel remix tagħha, u biddilha f’diska li żgur se tqanqal ħafna żfin dan is-sajf.

“Meta qaluli biex nagħmel remix bil-mużika ta’ Freddie Portelli, kont naqra xettiku minħabba l-fatt li din hija mużika differenti ħafna minn dik li naħdem fuqha s-soltu jien. Madanakollu, hekk kif smajt il-kanzunetta, mal-ewwel indunajt fejn ridt immur biha u issa nħossni kburi ħafna bir-riżultat,” qalilna Micimago.

Il-Kbir Għadu Ġej se nkunu nistgħu nisimgħuha wkoll fil-musical li se jsir dan is-sajf bl-istess isem, ġewwa l-MCC il-Belt. Dan il-musical se jittella’ bejn id-9 u s-17 ta’ Awwissu. Il-provi bdew u l-biljetti diġà qed jinbiegħu. Il-kast f’dan il-musical jinkludi lil Kevin Borg, Amber, Davide Tucci, Marilena, Petra, u ħafna oħrajn.

Jekk tridu tisimgħu din ir-remix idħlu fil-paġna Facebook ta’ Il-Kbir Għadu Ġej .

Għal aktar informazzjoni dwar il-biljetti għall-musical Il-Kbir Għadu Ġej, idħlu fis-sit www.freddieportelli.com