Ir-Re tal-mużika Maltija bi ktieb dwar ħajtu

Il-kantant magħruf Freddie Portelli qed ifakkar għeluq sninu u kważi 50 sena ta’ karriera mużikali permezz ta’ ktieb ġdid dwar ħajtu li jġib l-isem ‘Maltin’.
‘Maltin’ huwa t-tieni ktieb minn sensiela ta’ kotba maħsuba minn Tonio Bonello, li qed iwassal l-istejjer tal-Maltin u Għawdxin: minn politikanti sa kantanti, reliġjużi sa kittieba, u minn xandara sa ħassieba, u aktar.
B’daħla mill-President ta’ Malta u t-Tenur Joseph Calleja, flimkien ma’ għadd ta’ esperti tal-mużika Maltija, r-rakkonti dwar Freddie Portelli żgur li se jinżel tajjeb mas-segwaċi tiegħu.
Il-ktieb jinkludi 31 kapitlu, li fih tinsab miġbura ħajjet il-kantant. Warajha jsegwu t-taqsima ‘Rakkonti bir-Ritratti’ u l-ħajja ta’ Freddie Portelli b’mod fotografiku.
B’xejn mal-ktieb ta’ Freddie qed jingħata ktieb ieħor, li speċifikament u esklussivament ikopri r-repertorju ta’ kważi tliet mitt xogħol li Freddie kiteb, ikkompona u kanta matul ħajtu.
Flimkien mal-Pubblikaturi, sar arranġament ukoll biex ingħata bidu għal proċess ieħor twil biex inġabru fuq CD dawk l-aktar 23 diska magħrufa u popolari ta’ Freddie Portelli. Dawn se jkunu qed jingħataw b’xejn ukoll fuq CD ma’ kull ktieb.
Parti mill-qliegħ ta’ dan ix-xogħol se jmur b’risq id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.
Ritratt: Walter Sultana