Frar mhux fawwar, mhu se jimla ebda bjar!

Jekk wara din-naqra xemx ħsibt li r-rebbiegħa għolliet rasha kmieni, jista’ jkun sejjer żbaljat!
Is-sit indipendenti tat-tbassir tat-temp, FirstMalta, qal li Frar se jġib miegħu temperaturi aktar baxxi u anki xi ftit xita.
Milli qalu dawn il-bassara, madankollu, xorta l-qawl Malti, “Frar fawwar jimla l-bjar” mhux se jkun jgħodd.
Skont l-istudji tagħhom, arja kiesħa li qed toriġina lejn it-Tramuntana tal-Ewropa mistennija tinżel ’l isfel lejn iċ-ċentru tal-Mediterran fil-ġranet li ġejjin.
Din il-massa t’arja kiesħa mistennija tiġġenera ftit xita ħafifa f’forma iżolata f’xi ħinijiet fi tmiem il-ġimgħa.
Dan mistenni jiġri hekk kif din l-arja kiesħa se tkun qed taħbat mal-arja relattivament iktar sħuna li qed taffetwana bħalissa.
Minn nhar il-Ħadd 4 ta’ Frar nistennew tibdil fit-temperaturi hekk kif dawn mistennija jinżlu bi ftit gradi, u l-ogħla mistennija tilħaq il-15C u l-inqas l-10C, mentri t-Tnejn 5 ta’ Frar jinżlu ftit iktar hekk kif l-ogħla tilħaq it-13C u l-inqas l-10C.
It-temperaturi viċin dawn il-livelli mistennija jippersistu matul il-ġimgħa d-dieħla wkoll.