Frar jimxi għal Awwissu f’San Pawl il-Baħar u Wied il-Għajn

Frar mistenni jimxi għal Awwissu f’San Pawl il-Baħar u Wied il-Għajn, hekk kif dil-ġimgħa dawn l-ibliet se jkunu qed jospitaw il-Karnival tas-Sajf.
Il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, qal dan meta flimkien mas-Segretarju Parlamentari għal Valletta 2018, Deo Debattista, żar l-imħażen waqt l-aħħar preparamenti.
Bonnici fakkar li skont sondaġġ ikkummissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti l-Karnival tas-Sajf sar it-tieni l-aktar attività kulturali li fiha jipparteċipaw in-nies.
Sostna li l-Gvern qed jimpenja ruħu sabiex tiżdied il-professjonalità fis-settur kulturali billi, fost oħrajn, jagħti s-sapport meħtieġ lil din l-attività.
Min-naħa tiegħu, Debattista rrimarka li għalkemm il-karnival huwa marbut mal-Belt Valletta, sar sfroz sabiex dan jinfirex f’lokalitajiet oħra. B’għajnejn l-Ewropa fuq il-Belt fil-Valletta 2018, Debattista kompla jgħid li dawn l-irħula u l-ibliet qed ikollhom iċ-ċans li ħddieħor iħares lejhom ukoll.
Il-Ġimgħa u s-Sibt il-karnival se jsir f’San Pawl il-Baħar mis-6.30pm ’il quddiem b’ġostra ħdejn il-Gillieru fl-ewwel jum u oħra fl-inħawi tal-lukanda Santana fit-tieni jum, fost attivitajiet oħra.
Il-Ħadd imbagħad ikun hemm parata mis-7pm ’il quiddiem f’Wied il-Għajn, fost attivitajiet oħra.
Il-Karnival tas-Sajf huwa mtella’ mill-Kunsill Malti għall-Arti bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Valletta 2018, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, u l-Kunsilli Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u ta’ Wied il-Għajn.
Ritratt: DOI – Jason Borg