F’Rapa Nui hemm l-aktar Knisja Kattolika mbiegħda fid-dinja

Il-knisja Kattolika f'Rapa Nui - l-aktar post imbiegħed fid-dinja

Ftit li xejn hu magħruf dwar ir-reliġjon tal-ewwel abitanti ta’ Rapa Nui, mijiet ta’ snin ilu. Iżda irjus kbar tal-ġebel bi xbiehat misterjużi, li minn hemm madwar 900, jixhdu li l-ewwel persuni kienu jitolbu lil xi ħadd.  Dawn l-istatwi huma għolja madwar 13-il pied u jiżnu 14-il tunellata kull waħda minnhom.

Fl-1888, iċ-Ċile kien għaqqad miegħu lil dan il-post li jinsab madwar 2,300 mil bogħod mill-Punent taċ-Ċile.  Dan hu fost l-aktar postijiet remoti fid-dinja.

Rapa Nui hi magħrufa wkoll bħala Easter Island għax l-ewwel kuntatt mill-Ewropa ma’ din il-gżira hu dokumentat li sar fl-1722, min-navigatur Olandiż Jacob Roggeveen li kien qal li fuq il-gżira kien hemm jgħixu minn 2,000 sa 3,000 persuna.

Fl-1971, il-Poeta Ċilen, Pablo Neruda ukoll kien kiteb poeżija dwar din il-gżira misterjuża u l-istatwi kbar li hemm fiha.

Dawn l-irjus ġganteski li huma mferrxa madwar din il-gżira żgħira, jixhdu li fl-imgħoddi Rapa Nui kellha passat li jiffjorixxi.

Żminijiet diffiċli

Iżda diversi mijiet ta’ snin ilu, il-gżira għaddiet minn żminijiet diffiċli minħabba li kibret il-popolazzjoni u l-ġlied tirbali għall-ftit riżorsi li kien hemm fil-pajjiż.  Fuq il-gżira ma kienx fadal biżżejjed injam biex jinbnew id-dgħajjes meħtieġa għas-sajd.

Ir-riżorsi komplew jonqsu, il-ġlied kiber u aktar kuntatti mill-barranin ħalla riżultati diżastrużi. Il-mard u l-iskjavitu, wasslu biex il-popolazzjoni kważi kienet estinta.

Iżda fl-1864 wasal f’din il-gżira Patri Ġiżwita żgħażugħ Franċiż, Eugene Eyraud li dam ftit ġimgħat.  Imma meta rritorna wara ftit żmien ħa miegħu xi missjunarji oħra, fosthom uħud mill-Polinesia u bdew jippriedkaw kunċetti Kattoliċi. Mijiet ta’ nies li kien għad fadal jgħixu fil-gżira bdew jikkonvertu għall-Kattoliċiżmu.

Il-ġlied tibrali waqaf u l-poplu ingħaqad f’soċjetà waħda.

Inbniet knisja

F’Rapa Nui inbniet Knisja Kattolika fil-qalba tal-unika belt li hemm fuq din il-gżira b’popolazzjoni żgħira. Is-simboli li kien hemm ingħaqdu ma simboli kristjani.

Barra mill-knisja wieħed jista’ jara it-twavel ta’ Mosè, l-imfietaħ tal-Ġenna u numru ta’ Anġli, mħallta ma disinji mill-kultura ta’ Rapa Nui bħalma hi l-fekruna li hi simbolu tal-għerf u għomor twil.

Il-Quddiesa tal-Ħadd tingħad bl-Ispanjol. Il-mużika fil-Knijsa hi vibranti u tqila bi kliem u ħsejjes mill-kultura tal-lokal. Wieħed mill-istrumenti użati hu xedaq twil madwar pied, ta’ xi animal. Is-saċerdot jilbes f’rasu ornament b’rix abjad kbir u l-pitturi u l-iskultura fil-knisja huma fuq stil ta’ din il-gżira Rapa Nui.

Is-sena li għaddiet, koppja Amerikana, Robert u Nancy Weber, irnexxielhom itemmu proġett li kien ilhom għaddejjin bih għal 40 sena sħaħ biex ittraduċew it-Testment il-Ġdid fil-lingwa Rapa Nui moderna.