Franza se tipprojbixxi annimali selvaġġi miċ-ċirku u l-parks tad-dniefel

Il-Gvern Franċiż ħabbar li se jipprojbixxi l-użu ta’ annimali li normalment jgħixu f’ambjent naturali fi ċrieki li jivvjaġġaw minn post għall-ieħor kif ukoll it-tgħammir ta’ dniefel fil-magħluq.

Il-Ministru tal-Ambjent Barbara Pompili ħabbret dawn il-miżuri u qalet li “l-attitudni tagħna lejn l-annimali nbidlet sostanzjalment.”

Fil-pajjiż fil-preżent hemm tliet parks tad-dniefel li mhux se jkunu jistgħu jgħammruhom aktar, u lanqas se jkunu jistgħu jġibu dniefel jew klieb il-baħar ġodda.

“Wasal iż-żmien li l-interess tagħna li ilu ġej minn ħafna snin ilu f’dak kollu li huwa selvaġġ ma jfissirx li għandu jwassal biex dawn l-annimali jispiċċaw maqfulin f’post ristrett”, qalet Pompili.

Il-grupp PETA, li jikkampanja favur drittijiet tal-annimali, iddeskriva d-deċiżjoni bħala “rebħa storika”. “Irridu niċċelebraw bix-xampanja. Grazzi lil dawk kollha li għamlu din id-deċiżjoni possibbli”.

Madankollu, il-Ministru kienet vaga fuq meta se jkun projbit l-użu ta’ annimali selvaġġi għall-intratteniment, u sosniet biss li dan se jsir “fis-snin li ġejjin”. “Id-data ta’ meta dan se jseħħ mhux se jsolvi l-problemi kollha”.

Hija qalet li ebda parks għad-dniefel ġodda mhu se jingħataw permess biex jinbnew fi Franza u qalet li l-Gvern kien qed jikkunsidra l-idea ta’ santwarju għal dawk id-dniefel li fil-preżent jinsabu maqbudin. Wissiet ukoll li jista’ jkun hemm bżonn seba’ sa 10 snin biex l-annimali jiġu preparati għall-futur”.

Iċ-ċrieki Franċiżi għandhom madwar 500 annimal selvaġġ fil-preżent. 

Il-Ministru qalet ukoll li l-Gvern kien lest joffri liċ-ċrieki u l-parks tad-dniefel pakkett ta’ għajnuna ta’ 8 miljun ewro biex jadattaw għal dawn il-projbizzjonijiet.