Franza u l-Ġermanja ma jaqblux bejniethom dwar il-President tal-Kummissjoni

Reuters

Franza u l-Ġermanja rreġistraw nuqqas ta’ qbil bejniethom dwar il-kandidati li għandhom jokkupaw pożizzjonijiet għolja fi ħdan l-Unjoni Ewropea wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Il-vot ta’ tmiem il-ġimgħa ra lill-partiti ċentristi jitilfu l-maġġoranza f’numru ta’ pajjiżi bil-Ħodor u l-partiti estremisti tal-lemin jakkwistaw iktar voti.

Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel trid lil Manfred Weber bħala l-President tal-Kummissjoni l-ġdid tal-Unjoni Ewropea waqt li l-President Franċiż Emmanuel Macron lanqas biss semmieh bħala potenzjalment kandidat għal din il-pożizzjoni.

Il-kummenti taż-żewġ mexxejja saru waqt laqgħat li saru fi Brussell it-Tlieta fejn il-mexxejja tal-pajjiżi Ewropej qed jiltaqgħu biex jiddiskutu r-riżultat elettorali tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.