Franza trid tiddiskuti r-rwol ‘aggressiv’ tat-Turkija fil-Libja

Read in English.

Franza trid diskussjonijiet ma’ l-alleati fin-NATO sabiex tiddiskuti r-rwol dejjem iżjed “aggressiv” li t-Turkija qed ikollha fil-Libja, skond uffiċjal presidenzjali, filwaqt li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin akkuża ‘l Gvern ta’ Ankara li qed itellef mill-waqfien mill-ġlied billi kiser embargo ta’ l-armamenti tal-Ġnus Magħquda.

It-Turkija, li qed tappoġġja l-gvern rikonoxxut internazzjonalment fi Tripoli, irnexxielha tikseb preżenza soda fil-Libja billi iddefendiet assalt fuq il-kapitali mill-Armata Nazzjonali Libjana (LNA) immexxija minn Khalifa Haftar, li qed ikun appoġġjat mill-Emirati Għarab Magħquda, mill-Eġittu u mir-Russja.

Sors Tork nhar it-Tnejn li għaddew, qal li l-gvern ta’ Tripli kien qed jiddiskuti l-possibbiltà li jintużaw żewġ bażijiet militari fil-Libja, bil-ħsieb li tiġi stabbilita preżenza Torka permanenti.

Pariġi kienet akkużata li qed tappoġġa lil Haftar politikament, fejn fl-imgħoddi kienet wasslet għajnuna militari biex ikunu miġġielda militanti Iżlamiċi. Franza ċaħdet li qatt appoġġjat lil Haftar iżda qagħdet lura milli ċċanfar lill-alleati tiegħu, filwaqt li kompliet tikkritika lit-Turkija.

Fi stqarrija nhar it-Tnejn, il-ministeru qal li “l-indħil barrani, b’mod partikolari l-intensifikazzjoni ta’ l-appoġġ Tork”, inkluż dak li qal kien ksur ta’ l-embargo fuq l-armi, qiegħed ixekkel l-isforzi biex ikun hemm waqfien mill-ġlied.

“Dan l-indħil qed isir problematiku ħafna u, minkejja l-isforzi tagħna, is-sitwazzjoni sejra lura. Din il-pożizzjoni dejjem aktar aggressiva mhix aċċettabbli,” qal l-uffiċjal presidenzjali.

“It-Turkija suppost hija msieħba fin-NATO, u għalhekk din is-sitwazzjoni ma tistax tibqa’ għaddejja.”

Mistoqsi x’kellha f’moħħha li tagħmel Pariġi, l-uffiċjal qal li dalwaqt se jkun hemm diskussjonijiet mat-Turkija u msieħba oħra tan-NATO.

Il-ministri tad-difiża tan-NATO mistennija jkollhom taħdidiet l-Erbgħa u l-Ħamis.

Ir-rabtiet bejn it-Turkija u Franza diġà huma ftit imxekkla minħabba diversi kwistjonijiet differenti; mill-kwistjoni fis-Sirja għall-esplorazzjoni taż-żejt fil-Lvant tal-Mediterran.

Il-President Tork, Tayyip Erdogan, dan ix-xahar qal li l-appoġġ ta’ Franza għal Haftar kienet xi ħaġa li “verament dejjqitu”.