Franza tqis lill-persuni li jieħdu ħsieb lil anzjani u persuni b’diżabilità bħala eroj

FILE PHOTO: REUTERS/Stephane Mahe

Fi Franza, il-persuni li jieħdu ħsieb persuni anzjani u oħrajn b’diżabilità, qed jiġu rikonoxxuti fost l-eroj fil-ġlieda kontra l-COVID-19 matul l-aħħar xaharejn, minħabba l-kuraġġ li wrew huma u jwettqu l-ħidma tagħhom biex jgħinu lil min għandu bżonn.

Cécile Aime hija waħda minn dawn il-persuni, li qed toffri għajnuna u kura lill-persuni b’diżabilità u lil pazjenti anzjani matul il-pandemija.

“M’inix nibża’ li nista’ nimrad (bil-COVID-19),” Cécile qalet lil Euronews. “L-akbar biża’ tiegħi hi li nimrad imma ma jkolli l-ebda sintomu, u għalhekk ninfetta lil xi ħadd li huwa aktar vulnerabbli minni.”

Diversi persuni li joffru l-kura huma mħassba dwar il-fatt li jista’ jkollhom il-virus mingħajr ma juru sintomi, u dan jista’ jkun ta’ periklu għall-pazjenti tagħhom. Għal din ir-raġuni, Cécile tieħu numru ta’ miżuri ta’ prekawzjoni – tbiddel il-maskla ma’ kull klijent, ma tersaqx viċin wisq, tilbes ingwanti u ħwejjeġ protettivi. Hi qed tevita li toħroġ tixtri sabiex tillimita n-numru ta’ persuni li tiġi f’kuntatt magħhom matul il-ġurnata.

Cécile taħdem għal Oui Care, il-fornitur ewlieni fi Franza li jipprovdi servizzi personali u ta’ kura fid-dar, li jimpjega 18,000 persuna. Huma kellhom jadattaw l-operat tagħhom meta feġġew l-ewwel każijiet tal-COVID-19 fost il-klijenti tagħhom. It-tim tal-kura kien maqsum f’żewġ gruppi biex tiġi llimitata l-kontrokontaminazzjoni, grupp li jaħdem ma’ persuni li ttestjaw pożittivi għall-coronavirus, u grupp ieħor li jaħdmu ma’ klijenti ‘b’saħħithom’.

“Minħabba li aħna noffru servizz lill-anzjani u lill-persuni b’diżabilità, aħna rridu nibqgħu noffru dan is-servizz ta’ kura matul il-perjodu tal-pandemija, għaliex dawn il-persuni għandhom bżonn l-għajnuna tagħna fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Għandhom bżonn l-għajnuna tagħna biex iqumu mis-sodda, jinħaslu, jilbsu… u għalhekk irridu nibqgħu noffru l-għajnuna,” qal Guillaume Richard, is-CEO tal-kumpanija, meta tkellem ma’ Euronews.

Madankollu, il-benesseri u s-sikurezza tal-impjegati jibqgħu prijorità għall-kumpanija, u għalhekk huma qed jinsistu mal-awtoritajiet li jingħataw apparat personali protettiv (PPE) sabiex ikunu jistgħu jibqgħu joffru s-servizz tagħhom. 

Diversi persuni li joffru l-kura u l-għajnuna lil anzjani u persuni b’diżabilità tilfu ħajjithom matul din il-pandemija globali, li ħadet il-ħajja ta’ 250,000 persuna madwar id-dinja. Dawn il-ħaddiema ‘inviżibbli’ urew li huma pilastri essenzjali fis-soċjetà matul din il-kriżi. Huwa importanti li l-ħidma tagħhom tibqa’ tiġi stmata u rikonoxxuta wara t-tmiem tal-pandemija.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn