Franza tonora lill-għalliem maqtul

Il-President Emmanuel Macron nhar l-Erbgħa sejjaħ lill-għalliem tal-istorja Franċiża li nqatel minn radikali Iżlamiku bħala “eroj sieket” li kien iddedikat biex ixerred il-valuri demokratiċi tar-Repubblika Franċiża fost l-istudenti tiegħu.

Iż-żagħżugħ ta’ oriġini Ċeċeni li attakka lil Samuel Paty, ried ipattiha lill-għalliem wara li dan tal-aħħar uża cartoons tal-Profeta Moħammed matul klassi tal-libertà tal-espressjoni ma’ studenti ta’ 13-il sena. Il-Musulmani jqisu li kwalunkwe immaġini tal-Profeta tirrapreżenta azzjoni irreverenti.

Matul servizz ta’ memorja mmexxi minn Macron li ntwera fuq it-televiżjoni nazzjonali, it-tebut ta’ Paty inġarr fil-bitħa tal-Università ta’ Sorbonne f’Pariġi, waqt li fl-isfond indaqqet id-diska tal-U2 “One”. Fuq it-tebut tpoġġa l-unur Legion d’Honneur li ngħata lil Paty, l-ogħla unur ta’ Franza li ngħata lill-għalliem maqtul wara mewtu.

“Hu nqatel minħabba li rrappreżenta lir-Repubblika,” qal Macron li kien viżibbilment emozzjonat. “Inqatel minħabba li l-Iżlamisti jridu l-futur tagħna. Huma jafu li b’eroj siekta bħalu qatt mhu se jirnexxielhom jiksbu dan.”

Abdullakh Anzorov qata’ ras Paty b’sikkina kbira fuq triq f’subborg ta’ Pariġi matul il-ġurnata nhar il-Ġimgħa li għaddiet, fi qtil li sejjaħ mill-uffiċjali bħala attakk fuq il-valuri Franċiżi. Il-pulizija qatlu lill-ġuvni ta’ 18-il sena ftit tal-ħin wara.

Dan il-qtil ixxokkja lill-pajjiż kollu, u qanqal memorji tal-attakk Iżlamiku li sar fl-2015 fl-uffiċċji tar-rivista satirika Charlie Hebdo, wara li din kienet ippubblikat cartoons tal-Profeta Moħammed.

F’att ta’ solidarjetà, l-awtoritajiet reġjonali tal-Occitanie pproġettaw serje tal-cartoons politiċi u reliġjużi tal-passat ta’ Charlie Hebdo, inkluż uħud tal-Profeta Moħammed, fuq bini pubbliku fl-ibliet ta’ Toulouse u Montpellier.

Macron qal, “Nhar il-Ġimgħa Samuel Paty sar il-wiċċ tar-Repubblika, tax-xewqa tagħna li niksru r-rieda tat-terroristi … u li ngħixu bħala komunità ta’ ċittadini liberi f’pajjiżna.”

ĦLASIJIET KONTANTI

Il-prosekutur tas-sezzjoni ta’ kontra t-terroriżmu fi Franza qal li Anzorov kien ħallas lil studenti oħra fil-Kulleġġ Bois d’Aulne biex jidentifika l-vittma tiegħu, għax kien jaf biss ismu u l-iskola fejn kien jgħallem wara li ġenitur beda kampanja kontra Paty fuq il-midja soċjali.

“L-identifikazzjoni kienet possibbli biss bl-għajnuna ta’ studenti li jattendu l-iskola. Huma rċevew ħlas biex jidentifikawh,” qal Jean-Francois Ricard matul konferenza stampa.

Ricard qal li l-qattiel wasal l-iskola kmieni l-Ġimgħa waranofsinhar u offra lill-istudenti bejn 300 u 350 euro, u qalilhom li ried iġiegħel lil Paty jappoloġizza, iżda wkoll li ried “jumiljah u jweġġgħu.”

Żewġ studenti li għandhom 14 u 15-il sena kienu fost seba’ persuni li ġew identifikati li allegatament kienu kompliċi f’attentat terroristiku, jew assoċjazzjoni ma’ terrorist. Huma tressqu quddiem imħallef biex jiddeċiedi jekk għandhom jiġu investigati – fejn jibdew jiġu meqjusa bħala partijiet suspettati.

Ricard ikkonferma wkoll li Anzorov kien ikkuntattja lill-ġenitur mill-iskola li poġġa l-vidjos online fejn akkuża li Paty li kien qed jistigmatizza lill-Musulmani u fejn talab li dan jitkeċċa minn xogħlu. Il-ġenitur tressaq ukoll quddiem l-imħallef.