Franza tinvoka klawsola tal-UE biex pajjiżi membri jgħinuha wara l-attakk

Franza mmobilizzat 115,000 uffiċjal ta’ sigurtà u membri ta’ korpi dixxiplinati hekk kif qed tissokta bir-rejds kontra persuni maħsuba li jistgħu jkunu militanti Iżlamiċi.
Bejn ilbieraħ filgħodu u dalgħodu, twettqu iktar minn 280 rejd, b’diversi arresti u armi kkonfiskati.
Franza ddaħħal klawsola tal-UE għall-għajnuna mill-pajjiżi membri
Matul il-lejl li għadda Franza wettqet ukoll iktar attakki mill-ajru fuq l-Istat Iżlamiku fis-Sirja, wara li lbieraħ il-President Franċiż, Francois Hollande, daħħal fis-seħħ klawsola tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea li tobbliga lill-pajjiżi membri l-oħra biex jagħtuha “għajnuna u assistenza f’każ ta’ aggressjoni armata fit-territorju tagħha”, kif seħħ il-Ġimgħa filgħaxija.
Bid-deċiżjoni ta’ Hollande, il-bqija tal-pajjiżi membri jridu jagħtu dak li hu fil-kapaċità tagħhom lill-pajjiż milqut, mingħajr ma jippreġudikaw il-politika tagħhom ta’ difiża, bħal fil-każ ta’ newtralità.
Hollande se jżur Washington u Moska l-ġimgħa d-dieħla għal taħdidiet mal-mexxejja politiċi.
Tkompli t-tfittxija għal Salah Abdeslam
Sadattant intensifikat ruħha t-tfittxija għal wieħed mis-suspettati tal-attakki terroristiċi, Salah Abdeslam.
Hu mifhum li ż-żagħżugħ qasam għal pajjiż twelidu, il-Belġju, li għolla l-livell ta’ theddid u qassam iktar ritratti tar-raġel.
Ħuh, Mohammed, miżmum mill-Pulizija sal-bieraħ, inħeles hekk kif baqa’ jisħaq li ma kellux x’jaqsam mal-attakki.
Il-Belġju jħassar il-partita u l-Istati Uniti jgħidu 'daqshekk' għar-refuġjati mis-Sirja
Minħabba s-sigurtà, il-Belġju ħassar il-logħba tat-tim nazzjonali tal-futbol illejla kontra Spanja, u fl-Istati Uniti, 17-il stat Amerikan iddeċieda li għalissa jgħid “daqshekk” għal refuġjati mis-Sirja.
Madankollu l-President Amerikan, Barack Obama, qal li wieħed ma jistax jagħlaq il-bieb f’wiċċ min jeħtieġ l-għajnuna u li l-Istati Uniti għandha tagħti sehemha inkella tmur kontra l-valuri li temmen fihom.