Franza timponi restrizzjonijiet dwar vjaġġar fi ski resorts

Franza se timponi restrizzjonijiet fuq persuni li jivvjaġġaw barra l-pajjiż lejn ski resorts li mhumiex ristretti għal lockdowns tal-COVID-19 dan l-istaġun tal-Milied. Dan qalu l-President tar-Repubblika Franċiża Emmanuel Macron nhar it-Tlieta.

“Jekk hemm pajjiżi fl-UE jew barra mill-Unjoni li se jżommu l-iski resorts tagħhom miftuħa, se nistabbilixxu miżuri ta’ kontroll biex iċ-ċittadini tagħna jaħsbuha darbtejn qabel imorru lejn żoni li aħna naħsbu li huma ta’ riskju fl-imxija tal-coronavirus,” qal Macron matul konferenza tal-aħbarijiet.

“Irridu wkoll nevitaw li noħolqu sitwazzjoni żbilanċjata ma’ ċentri fi Franza, fl-Italja u l-Ġermanja li x’aktarx jibqgħu magħluqa, filwaqt li oħrajn jibqgħu miftuħin,” kompla jgħid wara laqgħa mal-Prim Ministru Belġjan Alexander de Croo.

“Għaldaqstant, se nistabbilixxu miżuri restrittivi li jnaqqsu l-ivvjaġġar lejn dawn il-postijiet,” qal Macron, waqt li żied jgħid li dawn “se jkunu finalizzati fil-jiem li ġejjin.”

Il-pajjiżi Ewropej naqsu milli jieħdu azzjoni unita rigward dan is-suġġett, li jfisser telf ta’ biljuni ta’ Ewro għal ċerti pajjiżi kif ukoll telf ta’ għexieren ta’ eluf ta’ impjiegi f’dan l-istaġun.

Franza, flimkien mal-Italja u l-Ġermanja, iddeċidew li jżommu l-iski resorts miftuħa imma l-liftijiet magħluqa għal żmien il-Milied. 

Imma l-Iżvizzera, li mhix pajjiż membru fl-UE, iddeċidiet li tippermetti li dawn iċ-ċentri jibdew jiftħu u mhix qed tippjana li dawn jingħalqu, minkejja għadd relattivament għoli ta’ mwiet relatati mal-coronavirus fil-pajjiż.

L-Awstrija, membru tal-UE li jinsab f’lockdown nazzjonali li jintemm fis-7 ta’ Diċembru, qed taħdem biex terġa’ tiftaħ dawn iċ-ċentri qabel il-Milied.

Matul l-ewwel mewġa tal-infezzjonijiet fl-istaġun li għadda, il-każijiet tal-coronavirus splodew f’ċerti ċentri tal-iskili wassal għal firxa rapida madwar l-Ewropa.