Franza tibda tivvota għal President ġdid taħt sigurtà massima

Illum Franza se tkun qed tivvota fil-primarji tal-Elezzjoni Presidenzjali taħt sigurtà massima wara l-attakk li fih inqatel pulizija tlett ijiem ilu.
B’kollox hemm ħdax-il kandidat li qed jikkontestaw f’din l-elezzjoni, bil-kandidati l-aktar popolari huma mifruxa fi spettru politiku li jvarja mil-lemin estrem għax-xelluq estrem.
Iż-żewġ kandidati li llum jġibu l-akbar ammont ta’ voti jkomplu bil-kampanja elettorali sal-elezzjoni bejniethom it-tnejn ħmistax oħra.
Bħalissa hemm erba’ kandidati li huma meqjusa l-aktar popolari biex minnhom xi ħadd isir il-President Franċiż.
Dawn huma Francois Fillon mill-Partit Repubblikan, Marine Le Pen mill-partit tal-Lemin Estrem Front Nazzjonali, Emmanuel Macron mill-partit En Marche! u l-kandidat tal-Lemin Estrem Jean-Luc Mélenchon.
Il-kandidati għandhom viżjoni kompletament differenti fuq l-Ewropa, l-immigrazzjoni, l-ekonomija u l-identità Franċiża.
Is-sigurtà nazzjonali kienet waħda mit-temi ewlenin tal-kampanja bil-kandidati kollha jkunu akkużati li sfruttaw l-attakki ta’ tlett ijiem ilu.
Ħadd mill-kandidati mhu mistenni jġib illum il-50% tal-voti.
Francois Fillon, huwa l-uniku kandidat popolari li ġej minn partit b’saħħtu li ġieli kien fil-Gvern.
Il-kampanja tiegħu ħadet daqqa ‘l isfel wara allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li jinvolvu ħlas ta’ eluf lil martu għal xogħol li wettqet miegħu, liema xogħol qatt ma nstabet evidenza li sar.
Benoît Hamon mill-Partit Soċjalista, l-istess partit tal-President attwali Francois Hollande, jinsab l-isfel ħafna fis-sondaġġi.
Hollande kien l-ewwel President Franċiż fl-istorja moderna tal-pajjiż li ma kkontestax għat-tieni terminu.