Franza tħabbar il-pjan dwar il-vaċċinazzjoni

Read in English.

Il-Prim Ministru Franċiż ħabbar li l-pajjiż se jiżgura li kulħadd jirċievi l-vaċċin tal-COVID-19 mingħajr ħlas bis-saħħa tas-sistema ta’ sigurtà soċjali, u li kienu twarrbu madwar €1.5 biljun mill-baġit tas-sigurtà soċjali tas-sena d-dieħla biex ikopri l-ispiża. 

Il-Prim Ministru Castex, li żvela l-istrateġija tal-vaċċinazzjoni ta’ Franza flimkien ma’ diversi ministri mill-gvern tiegħu, ikkonferma li l-vaċċin mhux se jkun obbligatorju, imma ħeġġeġ li kemm jista’ jkun persuni jitlaqqmu.

Castex ikkonferma kampanja dwar il-vaċċinazzjoni li kienet se tibda fi ftit ġimgħat, wara l-approvazzjoni regolatorja mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

Il-programm se jitqassam fuq tliet kategoriji ta’ persuni u se jinfirex tul l-2021, żied jgħid.

Matul l-ewwel fażi tul Frar se jitlaqqmu r-residenti tad-djar tal-anzjani u l-persunal li jduru bihom, madwar miljun persuna. Madwar 14-il miljun persuna se jitlaqqmu fit-tieni fażi skont l-età u kriterji mediċi, u fit-tielet fażi li tibda f’Marzu, titlaqqam il-bqija tal-popolazzjoni.

“Il-vaċċin se jkun mingħajr ħlas għal kulħadd,” qal Castex. Hu kkonferma li ċ-ċittadini, se jinżammu infurmati sew u li kumitat dedikat magħmul minn xjentisti u assoċjazzjonijiet se jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-vaċċin se titqassam u tiġi spjegata sew lil kulħadd.